Awdjo: Pressjoni kbira minħabba li l-Eurovision ta’ Malta se jsir qabel

Id-deċiżjoni li l-Malta Eurovision Song Contest isir fit-22 ta' Novembru minflok fi Frar, il-kompożituri u l-awturi qed iqisuha bħal "xafra taqta’ minn żewġ naħat".
Paul Giordimaina qal ma’ Newsbook.com.mt li l-kompożituri jridu jirsistu aktar biex ilestu x-xogħol matul is-sajf, filwaqt li r-rebbieħ ikollu aktar ċans jipprepara u jirranġa l-kanzunetta sal-finali tal-Eurovision.
Sas-sena li għaddiet, l-awturi u kompożituri kienu jaħsbu għall-kanzunetti madwar seba’ xhur qabel, jiġifieri għall-ħabta ta' Lulju.
Din is-sena, il-Malta Eurovision Song Contest se jsir ġimgħa wara l-Junior Eurovision Song Contest biex jintuża l-istess palk.
L-awtur u kompożitur, Philip Vella qal li minkejja se jiffrankaw l-ispejjeż ta’ festival ieħor fi Frar, m’hemmx bżonn preparamenti speċjali biex tintagħżel il-kanzunetta rebbieħa. Kompla jgħid li l-kanzunetta trid tkun waħda tajba, b’kantant tajjeb, u li ma tagħmilx differenza tintagħżilx minn żmien qabel.
Fleur Balzan qalet li din id-deċiżjoni kienet sorpriża għal kulħadd, kemm dawk li jieħdu ħsieb ir-regolamenti kif ukoll min jieħu ħsieb id-diska nnifisha.
Il-ġurnalist u dilettant tal-festival George Cremona qal li ħafna ġurnalisti barranin qed jaħsbu biex jibqgħu Malta wara l-Junior Eurovision, u din taħdem favur il-pajjiż għall-pubbliċità.
Peress li l-festival ta' Malta kien qrib dak Ewropew, il-kanzunetta Maltija ma kienx ikollha l-apprezzament xieraq u tintilef mal-kanzunetti l-oħra.
Fost ir-regolamenti l-ġodda hemm li t-tim rebbieħ jista' jagħżel li jmur l-Awstrija bl-istess tim u jikkompeti b'kanzunetta totalment differenti minn dak li rebaħ biha l-festival ta' Malta.