Awdjo: President ġdid għall-Partit Laburista?

Hekk kif illum fetħu n-nomini għall-karigi tal-amministrazzjoni tal-Partit Laburista, jidher li l-PL jista jkollu president ġdid.

F'kummenti li ta lil Newsbook, il-perit Daniel Micallef ħabbar li ġabar n-nomina, bl-intenzjoni li jikkontesta għall-kariga ta’ President tal-Partit Laburista. Fl-aħħar ħames snin, Daniel Micallef serva bħala President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti.

Jidher li l-president attwali Stefan Zrinzo Azzopardi mhux se jerġa jikkontesta għal din il-kariga. Daniel Micallef kellu kliem ta’ tifħir għal Zrinzo Azzopardi, u ddeskriva l-ħidma tiegħu bħala strumentali għar-rebħa Laburista.

Fil-jiem li għaddew, numru sostanzjali ta’ żgħażagħ bdew juru appoġġ għall-kandidatura ta’ Micallef għal din il-kariga, b’mod pubbliku fuq facebook. Hu qal li apprezza l-appoġġ li rċieva kemm mingħand kollegi żgħażagħ iżda wkoll mingħand membri oħra tal-Partit Laburista.

Micallef sostna li ilu 10 snin attiv fil-Partit Laburista, u li l-fatt li tela’ tarġa tarġa fl-istrutturi tal-partit iservi ta’ vantaġġ. Qal kif fost il-ħidma tiegħu, rnexxielu jagħti dimensjoni ġdida lill-Forum Żgħażagħ Laburisti.

In-nomini għall-amministrazzjoni tal-Partit Laburista fetħu t-Tnejn u jagħlqu l-Ħamis li ġej.