Awdjo: Possibilità ta’ kameras li jaraw min dieħel u ħiereġ minn Tas-Sliema

Wara l-laqgħa li saret nhar it-Tlieta li għadda dwar is-serq f’Tas-Sliema, kien hemm taħdiet dwar il-possibiltà li jiġu stallati kameras tas-sigurtà li jaraw min dieħel u ħiereġ minn Tas-Sliema.
Waqt il-programm Newsbook fuq RTK is-sindku ta’ Tas-Sliema Anthony Chircop qal li jkun hemm bżonn min isegwi dawn il-kameras 24 siegħa kuljum.
Fil-laqgħa li saret mar-residenti ġie deċiż ukoll li sitt uffiċjali tal-pulizija se jkunu allokati f’Tas-Sliema biex iħarsu s-sigurtà tar-residenti.
Ir-residenti Slimiżi dehru rrabjati meta l-Ministru Mallia qal li l-pulizija qed jagħmlu biżżejjed moniteraġġ fid-distrett.
Fl-aħħar xahrejn, fil-mira tal-ħallelin kien hemm 21 residenza li ġew misruqa.
Il-Ministru Mallia kien qal li l-għassa tal-pulizija f’Tas-Sliema m’għandix biżżejjed uffiċjali u għalhekk se jiġu allokati 6 uffiċjali oħra biex iħarsu s-sigurtà tar-residenti.
Mingħajr ma ta dettalji, il-Ministru qal li pulizija pajsana qed jiffrekwentaw iż-żona.
Meta mistoqsi dwar dan, is-Sindku qal li madanakollu ma ssemmix iż-żmien meta dawn se jibdew jaħdmu fit-toroq Slimiżi.
Meta mistoqsi dwar is-sinjali jew marki fuq il-bibien, is-Sindku qal li jista’ jkun li hemm konnessjoni mas-serq, iżda jista’ jkun ukoll li dawn ilhom hemm żmien. 
Kompli jgħid li dan ma jfissirx li jekk m’hemmx marka mal-intercom, id-dar ma tkunx fil-mira tal-ħallelin.
Is-serq qed isir b’mod aktar sistematiku u għalhekk is-sindku għamel appell li f’blokk t’appartamenti, il-bieb komuni għandu jinżamm magħluq u jekk hu possibbli jissakkar u li “r-residenti m’għandhomx jiftħu bl-addoċċ lil nies li ma jafux”.