Awdjo: PM: Jibqgħu biss f’Malta r-refuġjati

Botta u risposta llejla fil-parlament dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni irregolari wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat qara stqarrija dwar il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-ġimgħa li għaddiet.

Il-Prim Ministru qal li fuq insistenza ta’ Malta, il-Kunsill Ewropew aċċetta li tiġi indirizzata l-kriżi umanitarja li qed iġġib magħha l-immigrazzjoni.

Sostna li f’Diċembru Malta qed tistenna “deċiżjonijiet deċiżivi li jindirizzaw din il-kriżi umanitarja. Jibqa’ f’pajjiżna min għandu d-dritt jibqa’ f’pajjiżna”.

Fost il-proposti ta’ Malta  hemm li l-Frontex tassigura li n-nies li jkollhom l-applikazjoni għall-ażil irrifjutata, jiġu rilokati fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom b’titjiriet fl-inqas żmien possibli.

“Quddiem it-traġedji umanitarji li rajna quddiem għajnejna, fl-ibħra, jew aħjar ċimiterji” Malta ma setgħetx toqgħod kwieta.

Temm jgħid li “l-ballun jinsab fi ħdan l-Unjoni Ewropea li issa trid tipprova lilha nnifsha issa u żżomm kelmitha. Malta se tibqa’ tiġġudika bil-fatti”.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni kkritika lill-Gvern talli mis-summit Ewropew ma rnexxielux iġib soluzzjonijiet konkreti.

Semma li mezzi internazzjonali tax-xandir, fosthom ir-Reuters, ukoll irrappurtaw s-summit naqas milli jiddiskuti bis-serjetà l-immigrazzjoni irregolari.

Simon Busuttil appella lill-Gvern biex ibiddel il-mod ta’kif jinnegozja biex b’hekk l-Oppożizzjoni u l-Gvern jistgħu jaħdmu flimkien kontra l-immigrazzjoni irregolari.

 

Ħalli l-kumment tiegħek hawn taħt b'ismek u kunjomok.