Awdjo: Pjan biex jinfetaħ ċentru tad-demm permanenti f’Għawdex

Għaddejjin diskussjonijiet biex f’Għawdex ikun hemm ċentru permanenti tal-għoti tad-demm. Dan qalu Tony Micallef responsabbli mir-relazzjonijiet pubbliċi tas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm waqt il-programm Baħar Jaqsam fuq RTK.
Tony Micallef qal li kull meta l-Għawdxin jiġu msejħa biex imorru jagħtu d-demm ikun hemm konkorrenza tajba ħafna u għaldaqstant qed tinħass il-ħtieġa li jinfetaħ ċentru permanenti fejn wieħed ikun jista’ jmur jagħti d-demm.
Żied li dan barra li se jżid l-opportunità li l-Għawdxin jagħtu d-demm aktar ta’ spiss, ikun qed jgħin lill-infermiera biex ikunu aktar preparati.
Waqt l-intervista, Micallef qal ukoll li matul l-2014 kien hemm 2,070 Għawdxi li marru jagħtu d-demm, dan ifisser żieda ta’ 12% fuq is-sena ta’ qabel.
Semma r-relazzjoni qawwija u l-kollaborazzjoni li s-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qed isib mill-Isqof t’Għawdex Mario Grech u l-kleru Għawdxi. Qal li fil-Parroċċi isir avviż kull meta jkun se jinġabar id-demm f'Għawdex.
Qed tkompli wkoll il-ħidma biex jinfirex l-għarfien dwar l-importanza tal-għoti tad-demm fl-iskejjel tal-Knisja u ‘l quddiem il-ħidma se tkompli wkoll fl-iskejjel tal-Istat.
Fost l-oħrajn semma li Dun Salv Grima min-Nadur ta’ 128 borża demm u waqaf jagħti biss minħabba l-età. Infatti llum waqt l-għoti tad-demm, l-Isqof t’Għawdex filwaqt li żar lil dawk kollha li marru jagħtu d-demm, irringrazja u ppreżenta tifkira lil Dun Salv.
Ritratti: Josef Cutajar