Awdjo: “Persuna umli, jisma’ u jitgħallem mingħand in-nies”

- Chris Said u Justyne Caruana dwar l-Isqof ta’ Għawdex

Fil-ġurnata li tħabbar l-isem tal-Isqof il-ġdid għal Għawdex, Newsbook.com.mt tkellem mad-Deputat Laburista Justyne Caruana u d-Deputat Nazzjonalista Chris Said dwar din l-aħbar. Iż-żewġ deputati Għawdxin tkellmu dwar kif mistenni li Dun Anton Teuma, bħala l-Isqof il-ġdid ta’ Għawdex imexxi lid-Djoċesi bl-isfidi u r-realtajiet speċifiċi tal-gżira reġjun.

Ħadem mill-qrib tar-residenti Għawdxin ġejjin minn fejn ġejjin – Chris Said

Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said qal li l-Isqof il-ġdid huwa “persuna down to earth” u “persuna li ħadem f’diversi oqsma”. Qal li l-Għawdxin ilhom 8 xhur jistennew b’ħerqa min se jintgħażel. Huwa sostna li Dun Anton Teuma ħadem mill-qrib tar-residenti Għawdxin ġejjin minn fejn ġejjin mingħajr ebda distinzjoni.

Qal li b’mod partikolari fl-aħħar snin ħadem fost il-familji fl-istitut Ġwanni Pawlu II. Spjega kif Dun Anton għandu l-polz tas-soċjetà Għawdxija għaliex kien qrib il-komunità.

Skont id-Deputat Għawdxi Chris Said, id-Djoeċsi ta’ Għawdex tiddefinixxi lil Għawdex bħala reġjun għaliex fisser kif aktar minn 150 sena ilu, l-Għawdxin ta’ dak iż-żmien ħadmu biex Għawdex isir Djoċesi għalih peress li Għawdex għandu diffikultajiet differenti minn tal-Maltin.

Fl-istess intervista Chris Said semma waħda mill-aktar problemi soċjali f’Għawdex fejn l-għadd ta’ żgħażagħ jgħixu f’Għawdex qed jonqsu u għaldaqstant fisser kif il-Knisja qed titlef ir-ruħ tagħha bin-nuqqas ta’ involviment tagħhom.

Dwar il-vokazzjonijiet, Chris Said qal li minn Għawdex ħarġu għadd ta’ vokazzjonijiet biex ikkontribwixxew fil-pajjiż fosthom fil-Konferenza Episkopali Maltija b’għadd ta’ Isqfijiet.

Jisma’ u jitgħallem mingħand in-nies – Justyne Caruana

Id-deputat Laburista u eks-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li Dun Anton Teuma huwa persuna umli li jisma’ u jitgħallem mingħand in-nies. Hija qalet li tinsab ferħana bl-isqof il-ġdid.

Justyne Caruana, li tgħix ir-Rabat, Għawdex fil-viċinanzi tal-Istitut tal-Familji Papa Ġwanni Pawlu II, qalet ukoll li l-Isqof-elett jħoss il-polz tas-soċjetà permezz tal-ħidma tiegħu fost il-familji. Hija qalet li Dun Anton kien involut sew fil-manteniment tal-binja tal-Istitut hekk kif qalet li kien imidd idejh għall-ħidmiet manwali biex titranġa l-knisja.

Hija spjegat fid-dettal tal-għajnuniet li huwa joffri bħala councellor għall-familji peress li Dun Anton studja u ħadem f’dan il-qasam. Hija qalet li bħala ġenitur kienet ipparteċipat fil-konferenzi li huwa jorganizza bħala Direttur tal-Kummissjoni tal-Familji fejn stqarret li l-pariri kienu siewja ħafna.

Dwar l-ispekulazzjonijiet li l-midja lokali rrappurtat b’mod żbaljat fl-aħħar ġimgħat, Justyne Caruana qalet li “żgur ma kinitx għażla faċli għaliex kollha kienu nies ta’ kalibru”.