Aġġornata: Tinfetaħ 20 siegħa wara li ngħalqet minn Transport Malta

Aġġornata 3.30pm
Wara biss 20 siegħa li Transport Malta għalqet waħda mill-karreġġjati fit-telgħa li mill-Marsa tagħti għall-mini ta' Santa Venera, din reġgħet infetħet għat-traffiku. Dan wara pressjoni kbira li saret fuq il-mezzi soċjali, fuq il-paġna Maltese Roads Traffic Update u mistoqsijiet li bagħat Newsbook.com.mt.
Sadanittant, Newsbook.com.mt għadu ma rċeviex risposti minnTransport Malta. 
Aktar kmieni:
Dawk li fl-aħħar ġimgħa għaddew mit-telgħa li mill-Marsa tagħti għall-mini ta’ Santa Venera jew l-Imrieħel sabu li ngħalqet waħda mill-karreġġjati.
Ħafna huma dawk li fuq il-paġna ta’ Facebook Maltese Roads Traffic Update qed jilmentaw li dan wassal biex it-triq saret perikoluża u qed jinġema’ aktar traffiku.
Kien hemm min qal li meta tkun qed issuq ma tkunx tista’ tara l-karozzi li jkunu ġejjin min-naħa tax-xellug.
Ma’ Newsbook.com.mt kelliem għad-Driving Instructors Association Malta qal li l-assoċjazzjoni tkellmet ma’ Transport Malta dwar il-problemi li qed jaffaċċjaw l-instructors. Żied jgħid li t-triq bħalissa hi perikoluża ħafna, b’mod partikolari għal dawk li qed jitgħallmu jsuqu.
Spjega kif ġeneralment dawk li jkunu jitgħallmu l-karozza jippanikkjaw meta jaslu f’din il-parti, u s-sitwazzjoni ta’ issa tagħmilha aktar diffiċli.
Sostna li jekk se tibqa’ hekk hemm bżonn li jkun hemm limitu tal-veloċità kif ukoll xi sinjali li juru kif inhi t-triq. Hemm min appella lil Transport Malta biex f’dik il-parti jsiru traffic lights.
Jidher ukoll li għadd ta’ instructors m’għadhomx jgħaddu lill-istudenti tagħhom minn din it-triq. Barra minn hekk hu mifhum li anke waqt it-test tas-sewqan, l-eżaminaturi mhux qed jgħaddu minnha minħabba raġunijiet ta’ sigurtà.
Ma’ Newsbook.com.mt, is-Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Marsa Francis Debono qal li minkejja li l-Kunsill ma rċieva l-ebda lmenti, li din it-triq tispiċċa b’karreġġjata waħda twassal għal aktar periklu u konġestjoni ikbar tat-traffiku. Appella lil Transport Malta biex fil-ħin tat-traffiku tibgħat uffiċjali tagħha biex jidderieġu t-traffiku.
Qal li mhux infurmat dwar il-ħsieb ta’ Transport Malta li tagħlaq din il-karreġġjata, u talab spjega.
Hu mifhum li l-għan wara dan it-tibdil f’din it-triq hu biex titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku. Newsbook.com.mt qed jistenna tweġibiet għall-mistoqsijiet li bagħat lil Transport Malta.