Awdjo: Periklu fi triq li suppost magħluqa għall-karozzi

Il-ħofor fi Triq Tommaso Dingli f’Birkirkara ilhom hemm ix-xhur, u saru ta’ periklu għar-residenti li jgħaddu mit-triq.
Is-Sindku Joanne Debono Grech qalet ma’ Newsbook.com.mt li l-pavimentar f’din it-triq ma sarx bl-intenzjoni li jgħaddi t-traffiku minn fuqu.
Dan għaliex il-madum kien maħdum biex tkun żona magħluqa għat-traffiku.
Minħabba li r-residenti fit-triq ma ridux li tingħalaq, il-karozzi baqgħu għaddejjin b’mod normali, bil-konsegwenza li t-triq bdiet tinqala' wara biss sentejn li tlestiet.
Spjegat li l-permess għat-triq ħareġ mill-kunsill preċedenti biex fit-triq ma jgħaddux karozzi, u l-kuntrattur mexa skont il-kuntratt billi uża madum apposta.
Waqt laqgħa li s-sindku għamlet mar-residenti l-ġimgħa l-oħra, huma ilmentaw dwar il-periklu li hemm fit-triq.
Ir-residenti qalu wkoll li d-dwal fit-triq li suppost jaħdmu bid-dawl tax-xemx mhumiex qed jixgħelu mal-lejl.
Ix-xogħol f’din it-triq ġie jiswa €300,000, u għad hemm madwar €90,000 li għad iridu jitħallsu.
Debono Grech kompliet tgħid li minħabba li t-triq saret minn fondi Ewropej, din ma tistax tintmiss qabel ma jgħaddu ħames snin.
Madankollu, biex iħarsu s-sigurtà ta’ min jgħaddi mit-triq, se jitqiegħed konkos sakemm isir studju dwar it-traffiku li jgħaddi minn din iż-żona.