Awdjo: ‘Pembroke jinsab taħt assedju’ – Is-Sindku

Għadd ta' residenti ta’ Pembroke qed jilmentaw dwar l-applikazzjoni għal permess ta’ żvilupp ta’ skola primarja ġdida fil-lokalità fuq art verġni.
Wara li ħafna minnhom irrikorrew għal fuq Facebook biex jesprimu d-diżapprovazzjoni tagħhom għal din l-applikazzjoni, Newsbook.com.mt tkellem mas-Sindku ta’ Pembroke Dean Hili, li qal li bħalissa Pembroke jinsab taħt assedju.
Dwar għaliex il-Kunsill u r-residenti qed joġġezzjonaw għal dan il-proġett, Hili qal li Pembroke hi żona urbana mifnija bit-traffiku ta’ 11-il skola u li l-kostruzzjoni u l-operat ta’ skola ġdida se jwassal biex il-lokalità taqbeż il-limitu tagħha ta’ aċċessibilità, fil-ħin tal-ftuħ u għeluq tal-iskola.
Sostna li Pembroke jinsab taħt assedju mhux minħabba din l-applikazzjoni biss, iżda wkoll għax għandu ġlieda akbar mifruxa mal-lokalità kollha għall-ammont ta’ applikazzjonijiet biex jitwaqqgħu d-djar biex minflok jinbnew blokok ta’ appartamenti.
Qal li dawn il-proġetti jkomplu jżidu mal-istress tat-toroq u traffiku li diġà għandha l-lokalità.
Is-Sindku żied jgħid l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) qed timxi biss mal-pjanijiet lokali u mhix tikkunsidra ċ-ċirkustanzi preżenti tal-lokalità, filwaqt li lanqas mhi tgħin biex il-lokalità tkun preservata.
Saħaq li għalkemm l-art għal dan il-proġett  hi mmarkata għall-iżvilupp u  mhix protetta, il-PA għandha dmir li tevalwa ċ-ċirkustanzi preżenti, mhux biss dawk li ġew evalwati snin ilu meta sar il-pjan lokali.
Dean Hili rrimarka li l-Kunsill qed janalizza l-pjanti ta’ dan il-proġett propost, flimkien mal-periti tiegħu, biex jaraw l-impatt li se jħalli fuq il-lokalità. 
Sadanittant ir-residenti ta' Pembroke ħabbru li fil-jiem li ġejjin se jniedu petizzjoni biex ma tkunx approvata din l-applikazzjoni. 
Is-Sindku appella biex ir-residenti kollha li ma jaqblux ma' dan il-proġett isemmgħu leħinhom u jappoġġjaw lill-Kunsill, filwaqt li qal li fil-jiem li ġejjin se ssir laqgħa ta' informazzjoni għar-residenti kollha dwar dan il-każ.