Awdjo: ‘Passat Preżent Futur’ f’idejn it-tfal fil-Kavallier ta’ San Ġakbu

L-arti tal-passat, tal preżent u tal-futur se jkunu f'idejn it-tfal waqt workshop li se jsir fil-Kavallier ta' San Ġakbu l-Belt Valletta.
Bħala parti minn Spazju Kreattiv, Giulia Privitelli qalet ma' Newsbook.com.mt li f'dan il-proġett se jkunu qed iħarsu lejn ix-xogħlijiet li saru s'issa, bil-għan li l-pubbliku jsir jaf iktar dwar il-kollezzjoni nazzjonali.
Tfal bejn 12 u 14-il sena se jkunu qegħdin jieħdu sehem f'diskussjoni u dibattitu kreattiv.
Giulia spjegat li dan hu proġett ftit differenti minn dak li normalment jesperjenzaw it-tfal, għaliex se jkun iffukat iktar fuq il-ħsieb li hemm wara l-arti.
L-istudenti se jkunu qed josservaw xogħlijiet tal-arti li saru fl-aħħar tliet snin fl-ewwel kamra filwaqt li jaqtgħu mistoqsijiet dwar l-arti.  
Flimkien, l-istudenti se jkollhom ukoll iċ-ċans jaqsmu esperjenzi u kritika tagħhom.
L-istudenti se jkunu qed iwaħħlu l-ħsibijiet tagħhom fuq karta f'kamra vojta u bajda.
Il-pubbliku jkun jista' jżur il-kamra fejn it-tfal ikunu weħħlu l-proposti tagħhom għall-futur.