Awdjo: Pass ‘il bogħod minn Private Members’ Bill għall-ħarsien tal-annimali

L-għaqda Animal Guardians Malta din il-ġimgħa se tiltaqa' mal-Ministru għad-Djalogu Soċjali Helena Dalli biex tiddiskuti l-proposti tagħha li se jiġu inklużi fl-Abbozz ta' Liġi li mistenni jiġi mressaq fil-Parlament minn Membri Parlamentari, sabiex l-annimali jkunu aktar protetti.
Ma' Newsbook.com.mt Karmen Coleiro mill-Animal Guardians Malta qalet li l-proposta tagħhom qed tintlaqa' minn diversi Membri Parlamentari li wegħduhom l-appoġġ tagħhom u li lesti li jgħinuhom ifasslu u jressqu Private Members' Bill f'isimhom.
Saħqet li l-liġi l-ġdida għandha tinkludi l-ħames libertajiet tal-ħarsien tal-annimali li ġiet stabbilita fir-Renju Unit fl-1965. Irreferiet għall-White Paper "li tressqet u baqgħet fuq l-ixkaffa."
Coleiro semmiet diversi punti li l-għaqda tqis li għandhom jiġu trattati b'urġenza fosthom li ma jibqgħux jinqatlu l-ħamiem, li ż-żwiemel imweġġa' jingħataw ċans ieħor biex jgħixu, li l-Kunsilli Lokali ma jneħħux ix-xelters tal-qtates u li l-Gvern iwaqqaf l-importazzjoni ta' velenu tossiku u jintroduċi dak mhux tossiku.
Qalet li l-annimal mhux oġġett li jservi l-bniedem u li minbarra l-ikel, xorb u kenn, l-annimal irid ikollu kumpanija u turija ta' mħabba mis-sidien tiegħu.
Karmen Koleiro qalet li mhux aċċettabbli li l-liġi f'Malta tippermetti li kelb jitħalla waħdu fuq bejt anke jekk ikollu x'jiekol, x'jixrob u fejn jistkenn.   Dwar il-klieb semmiet ukoll li meta jitħallew biċ-ċinga għal ħin twil ikollhom riperkussjonijiet fuq saħħithom.
Semmiet ukoll kif il-liġi m'għandiex tagħti s-setgħa lil sid iż-żiemel biex jiddeċiedi jraqqadx iż-żiemel li jkun weġġa'. Saħqet li d-deċiżjoni finali għandha tkun tal-veterinarju li jara jekk iż-żiemel għandux jiġi operat.
Fil-ġimgħat li għaddew, l-Animal Guardians Malta ġabret 15,000 firma f'petizzjoni fejn qed titlob għal tibdil f'liġijiet dwar il-ħarsien tal-annimali.