Awdjo: Pannelli ma jaħdmux u lift fil-plastik mill-fondi tal-UE fuq binja f’Bormla

Residenti li jgħixu fil-Kwartieri ta’ San Nikola f’Bormla, proġett li sar b'fondi Ewropej, qed jilmentaw dwar in-nuqqasijiet u l-problemi li qed jaffaċċjaw ta' kuljum.
Ma' Newsbook.com.mt, wieħed mir-residenti stqarr li litteralment qed "jispiċċaw ibatu.” 
Tenna li l-proġett, li sewa kważi €1 miljun qatt ma tkompla u wara snin bosta faċilitajiet għadhom ma jiffunzjonawx.
Żied jgħid li l-proġett kien jinkludi 24 pannella fotovoltaika u lift, li l-ħlas għalihom ma jissarrafx f’produttività għax ma jaħdmux u l-lift qatt ma ntuża u għadu miksi bil-plastik. Stqarr ukoll li f’din il-binja hemm nuqqas ta’ dawl.
Ir-resident ilmenta wkoll dwar id-dħul tal-ilma minn fuq il-bjut hekk kif l-bejt qatt ma ġie mħalleb, il-membrane sar bi blokok tal-ġablow u t-tapit li tpoġġa fuqu ma tejjibx is-sitwazzjoni. Sostna li dan qed jilimita lir-residenti milli jbajdu s-soqfa tagħhom hekk kif id-dħul tal-ilma qed jikkawża l-umdità.
Żied jgħid li f'każ ta' manutenzjoni wieħed m'għandux aċċess għan-naħa ta' barra tal-blokka, hekk kif tpoġġew sitt tankijiet fuq pjattaformi tal-injam fuq saqaf bix-xorok.
Dwar dawn l-ilmenti, kelliema għall-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali stqarret li l-proġett immexxi mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet u Infastruttura tlesta fl-2012. Tenniet li skont ir-rekords tal-Awtorità tad-djar, minn dakinhar daħlu lmenti minn 5 inkwilini, bl-aħħar ilment daħal f'Novembru 2015.
Sostniet li l-ilmenti kienu marbuta mad-dħul tal-ilma minn fuq il-bejt u xi ħsarat li kkawża.
Il-kelliema żiedet tgħid li saru spezzjonijiet min-naħa tal-Awtorità tad-Djar u mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet u Infrastruttura, biex jindirizzaw il-ħsarat, filwaqt li qed isiru tiswijiet fuq il-bjut.
Tenniet li tiswijiet oħra jsiru skont il-politika tat-tiswijiet tal-Awtorità u skont il-proċedura li ssir f’kull blokka residenzjali oħra mikrija mill-Awtorità jew mill-Gvern. Dwar il-problema tal-panelli u l-lift, qalet li l-Awtorità ma rċevitx id-dokumentazzjoni jew id-dettalji jekk l-installazzjoni ġietx ikkummissjonata jew iċċertifikata min-naħa tal-kuntrattur u l-periti responsabbli għall-proġett.