Awdjo: Omm, nanna u armla – il-Fidi tagħtiha s-saħħa

Il-ġenerożità, il-paċenzja u l-Fidi huma kwalitajiet mill-isbaħ f'omm eżemplari. 

Newsbook.com.mt tkellem ma' Mary Ann Mercieca, omm Għawdxija li tiddeskrivi l-Fidi bħala teżor.

Armla, omm ta’ erbat itfal u nanna ta’ tnejn, Mary Ann tirrakkonta ma’ Newsbook.com.mt, kif permezz tal-qawwa tal-Fidi rnexxielha tegħleb iż-żminijiet diffiċli u l-ostakli li ltaqgħet magħhom f’ħajjitha.

Il-kwalitajiet tagħha kienu strumentali meta żewġha kien qed jiġġieled għal ħajja, fejn fost l-oħrajn kienu jispikkaw fiha s-serenità u l-kuraġġ.

Mary Ann, li hija persuna ġeneruża, tgħin fejn ikun hemm bżonn, paċenzjuża u ta’ Fidi soda, tattribwixxi d-doni li jagħmluha omm eżemplari, lil Mulej.

Din l-omm tgħid li permezz tal-qawwa tal-Fidi, fil-ħajja xejn ma jista’ jfarrakna.

Hija uriet il-preokupazzjoni tagħha li ħafna qed jarmu t-teżor tal-Fidi u tappella li l-Fidi rridu nieħdu ħsiebha u nkabbruha.

Mary Ann tgħallem ukoll il-katekiżmu fil-parroċċa ta’ Kerċem fejn tgħix u bħalissa għandha l-klassi tat-tfal tat-tieni sena tal-primarja.

Hija kienet ilha attiva fl-Azzjoni Kattolika minn meta kienet żgħira, u ilha tgħallem il-katekiżmu 15-il sena.