Awdjo: Oħtha li mietet bil-kanċer tispiraha għal kors fl-Università

Kull esperjenza ta’ mard tħalli impatt fuq il-familjari tal-persuna, u għal familja ta’ Jael Blundell il-mewt tagħha ħalliet vojt kbir.
Iżda oħtha l-kbira, Bernardette, ma ħallietx il-preżenza li kellha oħtha tintemm mal-mewt tagħha, u ġarret din l-esperjenza ħajja magħha fl-Università.
F'Diċembru, Bernardette se tiggradwa fil-Farmaċewtika, wara snin twal ta’ studju.
Ma’ Newsbook.com.mt Bernardette spjegat li wara li mardet Jael is-suġġett tal-onkoloġija beda jinteressaha aktar u waslet biex għamlet teżi fuq l-effetti tal-kimoterapija.
Lura fis-sena 2004 meta sabu li Jael kellha tumur f’moħħha, Bernardette kellha 13-il sena, u l-ewwel ħsibijiet tagħha kienu jekk titlifx lill-oħtha.
Flimkien mal-ġenituri tagħhom u oħtha oħra, Bernardette saħqet li ħallew f’idejn Alla.
Bernardette kompliet tgħid li xi drabi t-trattament ikollu effett aktar kiefer mill-marda, bit-tfulija ta’ Jael ikun differenti minn dik ta’ tfal oħra.
Illum, Bernardette qalet li hemm aktar għarfien dwar il-kanċer, u li permezz tax-xogħol tagħha, tkun tista’ tgħin dan l-għarfien ikompli jikber.