Awdjo: Nixtiequ li n-nies jifhmuna, mhux jitħassruna – Omm Gabriel

Gabriel Abela huwa wieħed minn żewġ persuni f’Malta li jbati minn kundizzjoni fin-nervituri, imsejħa local distrophic change
Ommu, Marcelle Abela qalet ma’ Newsbook.com.mt, li l-kundizzjoni ta’ binha hi terminali, iżda minħabba li hi rari, għad iridu jsiru aktar testijiet u riċerka.
F'April li għadda, l-kundizzjoni ta' Gabriel ma kinitx tajba.
Marcelle spjegat li filwaqt li Gabriel għamel pass ‘l quddiem, l-inkwiet bħala ġenituri hemm jibqa’.
Gabriel għadu ma tgħallimx jimxi, riżultat tal-kundizzjoni fin-nervituri tiegħu.
Filwaqt li sabu għajnuna minn Malta, miċ-Children Development Assessment Unit fl-Isptar San Luqa u mill-fiżjoterapisti, Marcelle qalet li minħabba li hi kundizzjoni rari, ta’ 1 minn kull 400,000, tixtieq li ssir aktar riċerka dwarha.
Kompliet tgħid li filwaqt li hija sitwazzjoni ta’ qsim il-qalb, trid tinvesti l-enerġija tagħha, flimkien mal-qraba tal-familja, biex jagħmlu ħajjet Gabriel aktar feliċi.
Qalet li ma tixtieqx li jitħassruhom in-nies, iżda li jifhmuhom.
Semmiet li fil-jiem li għaddew il-fondazzjoni Josette’s Helping Friends taw kontribuzzjoni permezz ta’ bazaar, kif ukoll ċekk.
Marcelle temmet tgħid li l-aktar għajnuna li wieħed jista’ jagħti hu l-appoġġ, “għax sabiħ li l-mixja ma tagħmilix waħdek”. 
Tista' ssegwi lil Gabriel fuq il-paġna ta' Facebook tiegħu.