Awdjo: “Nitolbu għall-passiġiera u l-ekwipaġġ tal-ajruplan tal-Malasja” – Papa Franġisku

Waqt l-Anġelus ta’ nhar ta’ Ħadd, il-Papa Franġisku stieden lill-pellegrini miġbura fi Pjazza San Pietru biex jitolbu għall-passiġiera u l-ekwipaġġ tal-ajruplan tal-Malaysia Airlines. Il-Papa sellem lill-familjari tagħhom, u qalilhom li jinsab viċin tagħhom.
Fid-diskors tiegħu, il-Papa Franġisku għamel referenza għall-Evanġelju tal-ġurnata speċjalment għall-frażi: “Isimgħu lilu.” Franġisku spjega li din hija l-istedina li l-Knisja tagħmel lill-Insara matul ir-Randan. Saħaq li l-istedina mhux ġejja mill-Papa, imma minn Alla nnifsu li qal dawn il-kelmiet lill-Appostli fuq it-Tabor.
Il-Papa qal li l-istedina t’ Alla l-Missier hija importanti, għax bħala dixxiplu ta’ Ġesù, in-Nisrani hu msejjaħ biex jisma’ u jgħix il-kelma t’Alla. Kien hawn li ħeġġeġ lil dawk preżenti biex iżommu kopja żgħira tal-Evanġelju u kuljum jaqraw silta qasira.
Fl-aħħarnett spjega li l-muntanja li fuqha tela’ Ġesù, tirrapreżenta telgħa u niżla. Fisser kif in-Nisrani, permezz tat-talb, jitla’ t-telgħa biex jersaq lejn Alla. Saħaq iżda, li m’għandux jibqa’ hemm fuq, imma għandu jinżel in-niżla biex iwassal l-esperjenza tiegħu m’ Alla lil ħutu l-bnedmin.