Awdjo: “Nispera li qed jieħu pjaċir bit-togħma tad-demm”

L-eks-Segretarju Parlamentari Michael Falzon għamel referenza għall-karatru ta’ Shylock mid-dramm The Merchant of Venice u qal li “forsi veru kien hemm min ħa his pound of flesh u jispera li qed jieħdu pjaċir bit-togħma tad-demm”.
Michael Falzon qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja flimkien mal-Prim Ministru Joseph Muscat fejn tħabbar li rriżenja minn Segretarju Parlamentari wara r-rapport tal-Awditur Ġenerali.
Huwa saħaq li qatt ma ndaħal fin-negozjati li saru fil-każ ta’ Gaffarena u lanqas fil-valutazzjoni tal-periti.
Sostna li għadu konfuż xi jrid jgħid ir-rapport tal-Awditur Ġenerali għaliex jgħid li hu ffaċilità iżda fl-istess ħin li hu ma ndaħalx biżżejjed biex jivverifika l-interess pubbliku.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja fejn il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li kien aċċetta r-riżenja tiegħu, Michael Falzon qal li r-rapport kien diġà f’idejn il-midja.
Sostna li hemm sentenzi f’dan ir-rapport li qisek qed tisma’ l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Michael Falzon qal li għalkemm ma ndaħalx f’dan il-proċess huwa lest li jerfa’ r-responsabbilità politika u saħaq li se jibqa’ jħares l-interessi tal-pajjiż u tal-Gvern.