Awdjo: “Nisma’ stejjer tal-waħx mill-ħabs” – mart priġunier

Read in English.

Mara ta’ priġunier fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin esprimiet id-dieqa u r-rabja tagħha għal kif qed jiġi trattat żewġha li spiċċa l-ħabs wara li nqabad jisraq biex isostni l-vizzju tad-droga.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Marija* spjegat kif żewġha tpoġġa mill-ewwel f’Diviżjoni 6, diviżjoni li sejħitilha “id-Diviżjoni tal-kastig”. Qalet li bdiet tisma’ mingħandu wara erbat ijiem imqattgħa minn ġewwa, u dlonk bdiet tisma’ “stejjer tal-waħx”.

X’inhuma dawn “l-istejjer tal-waħx”?

  • Tpoġġa f’ċella li fiha kien hemm ħabsin infettati bil-Covid-19
  • Meta kienet issir fumigazzjoni taċ-ċelel kienu jħallu l-priġunieri ġoċ-ċelel mingħajr protezzjoni. Dan affettwahom bi ħruq ta’ stonku, uġigħ fil-griżmejn u qtugħ ta’ nifs
  • Erbgħa ġo ċella waħda: min fis-sodda u min fuq saqqu mal-art
  • Ċelel impestati bil-ħmieġ: Wirdien jitla’ fuqhom, nemus mas-saqaf
  • Jieħdu shower ma’ kulħadd, jagħmlu toilet quddiem sħabhom fiċ-ċella, bla ebda privatezza
  • Ma jistgħux jixtru ċikkulata u luminata; l-ikel idum nofsiegħa biex jasal għandhom

Tista’ tisma’ l-intervista sħiħa hawn:

X’ġie konkluż dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 fil-ħabs?

Dwar kif ġiet trattata s-sitwazzjoni tal-Covid-19 fil-ħabs, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kien qal waqt programm fuq TVM, li se jinvestiga x’kien qed jiġri. Fl-aħħar jiem Newsbook.com.mt staqsa lill-Ministeru għas-Saħħa x’ġie konkluż mill-investigazzjoni, u ġejna riferuti għand il-Ministeru għall-Intern. Sal-ħin tal-publikazzjoni ma rċivejniex tweġiba. Marija qalet li s-sitwazzjoni tal-Covid-19 fil-ħabs issa jidher li kkalmat, hekk kif il-każi naqsu drastikament.

“Mill-ħabs jispiċċaw joħorġu agħar”

Mart il-priġunier b’ton ta’ qtugħ il-qalb stqarret li kemm ilu l-ħabs, lil żewġha ma rah l-ebda professjonista jew social worker. Fissret li l-priġunieri suppost jintbagħtu l-ħabs biex jirriformaw ruħhom, iżda fi kliemha, bil-mod kif jiġu trattati, jispiċċaw joħorġu agħar milli jidħlu. “X’jiġifieri taqflu ġo gaġġa, ‘il bogħod mill-famlija! Vera żbaljaw, imma żball ma jitpattiex bi żball ieħor”, żiedet tgħid.

Meta għamilna l-intervista, Marija kienet ilha ma tisma’ minn żewġha għal erbat ijiem sħaħ. Irrakkuntat kif kienet iċċempel Kordin biex tistaqsi għalih u kif ma ċempilx, iżda ħadd ma taha widen. “Jistmawk bħall-annimali”, sostniet Marija waqt li rrimarkat li dak hu l-uniku kuntatt li għandha miegħu, peress li ma titħallhiex iżżuru. Ġieli anke ċanfruha għax kienet iċċempel kuljum tistaqsi għalih, u kienu jgħidulha li mhux lilha biss għandhom.

“Ġieli lanqas flus biex niekol ma jkolli”

Filwaqt li l-firda u n-nuqqas ta’ żewġha ma tistax tiddeskrivihom, b’ton imbikkem, Marija ddeskriviet il-ħajja iebsa li qed tgħix. “Qabel konna naqsmu l-ispejjeż flimkien, issa rrid inħallas il-kera, lill-avukat… ġieli lanqas flus biex niekol ma jkolli”, stqarret. Fakkret ukoll li hi trid tgħajjex lilha nnifisha u tħallas għal oġġetti li żewġha jkollu bżonn fil-ħabs, pereżempju shower gel.

Marija se tirrikorri għall-għajnuna u sapport li diversi organizzazzjonijiet joffru lill-priġunieri u qraba tagħhom, fost l-oħrajn Caritas Malta, Mid-Dlam għad-Dawl u Prison Fellowship.

Tixtieq tgħin lil nies bħal Marija?

Ikkuntattja lill-entitajiet ta’ hawn fuq

*Marija huwa isem fittizju. L-intervista ġiet irrekordjata t-Tnejn 23 ta’ Novembru filgħaxija