Awdjo: “Nisa Maltin ma jirrappurtawx abbuż għax jibżgħu li jieħdu t-tort”

Ħafna nisa Maltin mhux qed jirrappurtaw każijiet ta’ abbuż jew fastidju sesswali għax jibżgħu li ma jitwemmnux jew inkella jispiċċaw jieħdu t-tort huma.
Dan qalitu l-Kummissarju għall-Ugwaljanza Renee Laiviera meta kienet qed tipparteċipa waqt il-programm Newsline fuq RTK, li ddiskuta każijiet ta’ abbuż u fastidju sesswali fl-Amerika minn persuni prominenti, anke nies fil-politika.
 “Malta bħall-Amerika: l-irġiel skużati; il-mara x’għamlet ħażin?”
Ħafna mill-każijiet li qed jitperrċu fuq il-midja Amerikana seħħew snin ilu, iżda qed joħorġu issa fil-beraħ għax xi ħadd iddeċieda li jagħmel l-ewwel pass.
Skont Renee Laivera, is-sitwazzjoni f’Malta hija simili għal dik fl-Amerika, għax fi kliemha f’soċjetà ddominata mill-irġiel ftit iqanqlu dubji dwar l-aġir tagħhom.
“Huma ftit il-pajjiżi li mxew ‘il quddiem mis-sistema patrijarkali,” qalet il-Kummissarju. “Aħna lill-irġiel tagħna niskużawhom… l-ewwel ma nipproteġu lir-raġel.”
“Min irid jabbuża mara tista’ tkun liebsa ta’ soru”
Kien għalhekk li saħqet li ħafna nisa qed jibżgħu jitkellmu meta jispiċċaw vittma tal-abbuż, għax is-soċjetà ma tpoġġix dubju fuq ir-raġel imma minflok tistaqsi dwar l-aġir tal-mara, jew inkella saħansistra anke x’kienet liebsa.
“Dan ma jagħmilx sens,” saħqet Laiviera għax, fi kliemha, min irid jabbuża minn mara, “tista’ tkun liebsa ta’ soru.”
Semmiet każijiet fejn anke nisa li għandhom ‘il fuq minn 50 sena ġew iffastidjati u oħrajn li saħansitra kellhom jitilqu minn fuq il-post tax-xogħol.
“Ħafna drabi flok naraw x’qed jiġri nistaqsu lill-mara x’għamlet ħażin hi,” saħqet il-Kummissarju.
Appellat lil dawk li qed jiġu abbużati jew iffastidjati, f’ambjenti differenti, mid-dar sa fuq ix-xogħol, biex iċemplu lill-Kummissarjat fuq 25902850 jew inkella jidħlu fis-sit tal-Kummissarju Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza.