Awdjo: “Nirsistu biex inbegħduhom u mhux inressquhom lejn id-droga” – Claudio Grech

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Claudio Grech qal li l-attenzjoni tal-pajjiż għandha tkun iffukata fuq kif is-soċjetà se tgħin żgħażagħ joħorġu mill-vizzju tad-droga u mhux iġġib skuża biex tara kif se tressaqhom lejn dawn il-perikli.
Ma’ Newsbook.com.mt, Grech kien qed jitkellem dwar proġett li l-Fondazzjoni tiegħu Save A Life se tkun qed tniedi fix-xhur li ġejjin.
Wara 12-il proġett fil-komunità, Save A Life se tkun qed tifforma komunità terapewtika ta’ rijabilitazzjoni mid-droga.
Grech qal li dak li taħdem fuqu l-fondazzjoni jikkuntrasta sew mad-diskussjoni li għaddejja bħalissa fuq livell nazzjonali biex tkun legalizzata droga meqjusa “rikreattiva.”
Saħaq li mill-esperjenza tiegħu ma’ nies u familji li missew mal-problema tad-droga, jista’ jgħid li ma hemm l-ebda skuża raġonevoli li wieħed jista’ juża, biex jgħid li d-droga tista’ tkun rikreattiva jew inkella tista’ twassal għal xi ħaġa pożittiva.
Claudio Grech kompla jisħaq li biex jgħaddilek minn moħħok li tqis dawn is-sustanzi bħala xi ħaġa normali u qisu xejn mhux xejn, ma tridx tkun għext jew taf b’ġenituri li tilfu lil uliedhom bi droga.
Dwar il-proġett ta’ Save A Life,  Grech qal li l-programm ta’ rijabilitazzjoni residenzjali se jkun qed jinbena fuq il-programm ta’ San Patrignano fl-Italja, li kien suċċess.
L-għan tiegħu se jkun li l-persuni li jidħlu fih, joħorġu minnu bi skop għall-ħajja. Se jkun qed joffri lil dawn iż-żgħażagħ taħriġ u edukazzjoni biex malli jtemmu l-programm isibu impjieg xieraq.
Save A Life twaqqfet minn Claudio Grech u l-mara tiegħu fl-2013 bil-għan li tgħin lill-komunitajiet u organizzazzjonijiet tal-ewwel distrett biex joffru spazju u inizjattivi immirati għat-tfal u ż-żgħażagħ.
Għal dawn l-aħħar erba’ snin, Grech investa l-paga parlamantari tiegħu f’din il-Fondazzjoni.

Filmat: Ian Noel Pace