Awdjo: “Nies li m’għandhomx il-virus qed jilbsu l-maskri għalxejn”

REUTERS/Benoit Tessier

Read in English.

Dr Charles Mallia Azzopardi qal li dawk li mhumiex infettati bil-coronavirus u qed jilbsu l-maskri, qegħdin jagħmlu dan għalxejn, peress li l-maskri għandhom jintlibsu minn min ikollu l-virus sabiex ma jinfettax lil ħaddieħor.

Hu u jitkellem ma’ Newsbook.com.mt, it-tabib spjega li s-sitwazzjoni meta tintuża maskra fi sptar hija kompletament differenti għal meta tintuża barra mill-isptar, peress li fi sptar il-pazjenti jkunu qed jingħataw trattament.

Qal li l-maskri fl-ambitu ta’ sptar ġew studjati u ttestjati, mentri m’hemmx studji li juru li l-maskra li tintlibes barra mill-isptar hija effettiva. Madankollu, min ikollu s-sintomi u jilbes il-maskra, dan jgħin biex il-mikrobi ma jinfirxux. Qal li jekk wieħed jilbes il-maskra, dan jista’ jkun ta’ detriment. Staqsa kemm dawn il-persuni se jdumu lebsin il-maskra, u jekk humiex se jibdluha jekk tixxarrab.

Dr Mallia Azzopardi spjega li l-coronavirus huwa familja kbira ta’ viruses li jikkawżaw marda, li tvarja minn influwenza normali għal kundizzjonijiet severi, bħall-Middle East Respiratory Syndrome (MERS). Żied li l-coronavirus huwa virus ġdid li ma kienx identifikat qabel fil-bnedmin.

Kompla jgħid illi l-coronaviruses jiġu trażmessi bejn l-annimali u n-nies. Ġab eżempju bis-SARS li kien ġie trażmess minn qattus li jeżisti ċ-Ċina, il-MERS minn ġemel, filwaqt li l-coronavirus donnu tfaċċa mill-farfett il-lejl, iżda dan l-aħħar hemm suspett li kien hemm xi annimal intermedjarju li għadu ma ġiex identifikat.

Newsbook.com.mt ilbieraħ iltaqa’ ma’ raġel li beda jbigħ il-maskri fil-Belt Valletta, li stqarr li ħaseb li bil-paniku li nqala’ se jbigħhom kollha, iżda ddiżappunta ruħu. Il-maskri li kien qed ibigħ kienu minn stokk ta’ maskri li jużaw il-ħaddiema, peress li hu jbigħ l-għodda.