Awdjo: Ngħix b’€1.21 u tgħallimt fuq il-faqar f’Malta wkoll – Steve Hili

Il-preżentatur tar-radju Steve Hili fil-preżent qed imexxi kampanja bl-isem 121 Challenge fejn flimkien ma’ volontiera oħra qed jagħmel ġimgħa jiekol b’€1.21 kuljum.
Dan sabiex titqajjem kuxjenza fuq il-faqar u fl-istess ħin jinġabru l-fondi meħtieġa għal ċentru mediku fil-Kambodja.
Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar din il-kampanja, Steve Hili qal li qed jitgħallem minn din l-esperjenza li ddeskriva kif għandha tiftaħ għajnejn kulħadd dwar il-faqar f’Malta wkoll.
Filwaqt li stqarr li mhux espert fuq il-faqar, Steve Hili qal li tkellmu miegħu Maltin li ddeskrivewlu kif kellhom jgħixu fil-faqar u jkollhom joqgħodu lura minn ħafna affarijiet.
Qal li tibda’ tinduna li madwarna wkoll hawn persuni li qed ibatu. 
Mistoqsi għaliex f’din l-isfida qed jgħix b'€1.21, Steve Hili qal li madwar id-dinja issir kampanja bl-isem Live below the Line, fejn jitkejjel kemm huwa l-inqas ammont biex persuna tgħix.
Jirriżulta li fl-Ingilterra hija £1filwaqt li fl-Awstralja hija AUD2. Dan tqabblet mal-€ qablu li jużaw l-inqas ammont u għalhekk waslu għal €1.21. 
Steve Hili, appella biex iktar persuni jagħtu l-għajnuna tagħhom fil-121 Challenge, li se tibqa’ għaddejja sa’ nhar il-Ġimgħa.
Sostna li madwar id-dinja hawn 1.2 biljun persuna li qed jgħixu fil-faqar u għalhekk filwaqt li jinġabru l-fondi jixtieq li jkun hawn iktar persuni li jifhmu kemm dawn in-nies ibatu. 
Id-donazzjonijiet għall-121 Challenge jistgħu isiru onlajn fuq is-sit elettroniku: https://www.betternow.org/mt/amplify