Awdjo: Newsbook bl-aktar udjenza ibbilanċjata bejn il-PL u l-PN

Newsbook.com.mt kien l-aktar sit tal-aħbarijiet li l-udjenza tiegħu kienet ibbilanċjata bejn dawk li jappoġġjaw lill-Partit Laburista u lill-Partit Nazzjonalista (minbarra l-partiti żgħar).
Dan ħareġ minn analiżi dettaljata li għamlet il-kumpanija ICON waqt il-kampanja elettorali, li fost l-oħrajn tiddetermina l-għadd ta’ utenti u s-sentiment fuq il-mezzi soċjali ta’ dawk li huma favur il-PL jew favur il-PN. 
L-analiżi turi li 52% tas-segwaċi ta’ Newsbook.com.mt kienu favur il-PN, 48% favur il-PL.
Dan b’kuntrast ma’ siti ewlenin oħra: Times: 78% PN, 22% PL; The Malta Independent: 85% PN, 15% PL; MaltaToday: 24% PN, 76% PL; TVM: 13% PN, 87% PL.
Waqt il-programm Follow-Up fuq RTK, id-Direttur ta’ ICON, Dr Gege Gatt irrimarka li l-bilanċ fuq Newsbook.com.mt kien kważi perfett.
Kampjun ta’ 300,000 persuna
Spjega li l-analiżi saret minn sitt persuni fuq perjodu ta’ ħames ġimgħat. Id-daqs tal-kampjun kopra 300,000, li hu kważi daqs l-għadd ta’ persuni li kienu eleġibbli jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali tat-3 ta’ Ġunju. Għaldaqstant il-margin of error kien żgħir ħafna.
Analiżi fuq shares, kummenti u likes
Dr Gatt spjega kif l-istudju ġie bbażat fuq il-kummenti u azzjonijiet li juru preferenza għal partit jew ieħor. Żied jgħid li kien hemm tliet livelli ta’ attività li kienu janalizzaw:  1) ix-share, li titqies l-aktar azzjoni f’saħħitha 2) il-kummenti taħt l-istejjer 3) il-likes u emojis oħra fuq storja.  Stqarr li b’kollox ġew analizzati iktar minn żewġ miljun azzjoni.
Programmi awdjoviżivi fuq Facebook
F’din il-kampanja elettorali, Newsbook.com.mt u RTK bdew ixandru għall-ewwel darba programmi awdjoviżivi fuq Facebook. B’kollox ixxandru 22 siegħa ta’ programmi live fuq Facebook li bejniethom kellhom udjenza ta’ 304,000.
Il-filmati live fuq Facebook ta’ Newsbook.com.mt f’jum l-elezzjoni ġenerali u l-għada meta tħabbar ir-riżultat, kellhom bejniethom udjenza ta’ 840,000. 
43% PN, 57% PL
Barra minn hekk, ir-riżultati tal-analiżi indikaw ukoll liema partit kien se jirbaħ l-elezzjoni.
Gege Gatt qal li ċ-ċifri li waslu għalihom mill-interazzjoni tan-nies onlajn kienet ta’ 43% PN u 57% PL. Spjega kif l-analiżi tagħhom kienet l-aktar waħda viċina għar-riżultat tal-elezzjoni.
Il-kumpanija ICON ilha tagħmel studji fil-midja diġitali mill-2010.