Awdjo: “Nesaġeraw meta ngħidu li l-istituzzjonijiet mhux jaħdmu” – Alfred Sant

Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant qal li l-argument li l-istituzzjonijiet ta’ Malta mhux qed jaħdmu huwa esaġerat.
Dr Sant qal dan ma’ Newsbook.com.mt meta kien mitlub jirreaġixxi għall-kummenti li għaddew għadd ta’ Parlamentari Ewropej waqt id-dibattitu li ddiskuta l-libertà tal-espressjoni u l-protezzjoni tal-ġurnalisti f’Malta wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Mistoqsi jirreaġixxi għal kummenti li għaddew għadd ta’ Deputati, l-eks-Prim Ministru qal li qed ikun hemm kummenti f’Malta li qed jippruvaw jippolitiċizzaw dan l-assassinju u li qed jaslu għand ċertu MPEs, li fi kliemu, għandhom aġenda kontra pajjiżi żgħar bħal Malta.
Qal li f’dan l-istadju huwa “irresponsabbli” li wieħed jippolitiċizza dan il-każ u kien hawn li ddeskriva l-kummenti li l-istituzzjonijiet mhux qed jiffunzjonaw bħala esaġerati. Saħaq li l-esaġerazzjonijiet jirbombjaw u meta jiġri hekk ikun hemm riperkussjonijiet fuq il-pajjiż kollu kemm hu.
“Fit-tmeninijiet meta kien hemm allegazzjonijiet li ħammġu lill-Gvern, meta tela’ Gvern ġdid l-istess allegazzjonijiet baqgħu jirbombjaw,” qal Dr Sant.
Fost oħrajn, ikkritika l-kummenti “esaġerati” tal-partit tal-ħodor u tal-ECR li ddeskrivihom bħala “partiti relattivament żgħar” u li jużaw kull skuża biex jakkużaw lil Malta.
Dawn kienu l-partiti li fost oħrajn talbu għar-riżenja tal-Prim Ministru u l-Gvern Malti u anke biex issir investigazzjoni f’Malta dwar is-Saltna tad-Dritt.
“Fil-Parlament Ewropew hawn kurrent qawwi ta’ Deputati li jakkużaw lil Malti li qed tipprattika setturi ekonomiċi li fi kliemhom iwasslu għall-ħasil ta’ flus u allura jużaw dan il-każ biex imexxu ‘l quddiem l-aġenda tagħhom,” saħaq Dr Sant.
Kompla jgħid li ħafna minn dawn il-gruppi għandhom “l-għan politiku” li jpinġu pajjiżi żgħar bħal Malta, l-Irlanda u l-Lussemburgu li qed jużaw lill-Unjoni Ewropea u bis-sistema tat-tassazzjoni tagħhom jippruvaw jirkbu fuq ħaddieħor.
 

Mistoqsi dwar il-fatt li mhux il-Partit Nazzjonalista biss iddeskriva dan l-assassinju bħala “qtil politiku,” iżda anke Michael Briguglio waqt il-protesta tas-Soċjetà Ċivili, Dr Sant insista li Briguglio huwa esponent tal-Partit Nazzjonalista.
Kompla jgħid li għadu kmieni wisq biex dan l-assassinju jingħata tikketta.
Newsbook.com.mt staqsa wkoll lil l-Ewroparlamentari dwar il-kummenti pożittivi li kienet għaddiet dwaru Daphne Caruana Galizia meta kien għadu Mexxej tal-Partit Laburista u għalfejn jaħseb li qatt ma għamlet l-istess fuq il-Prim Ministru Joseph Muscat.
Dr Alfred Sant wieġeb li ma semax dan il-kumment u li din ma kinitx l-attitudni tagħha lejh għax fi kliemu mhux l-ewwel darba li kienet attakkat lilu personali u anke lill-familja tiegħu.
“Sa fejn naf jien dejjem kienet parteċipi f’ħidmiet li pinġew il-Partit Nazzjonalista fit-tajjeb u l-partit Laburista fil-ħażin,” qal Dr Sant.
Wara d-dibattitu tat-Tlieta Newsbook.com.mt tkellem mal-Membri Parlamentari kollha Maltin.
Kompli segwi Newsbook.com.mt li fil-jiem li ġejjin se jirrapporta dak li qalu l-bqija tal-MPEs Maltin.