Awdjo: “Nemozzjonaw ruħna naraw x’qed jiġri f’pajjiżi oħrajn” – Fearne

Miguela Xuereb

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li dawk kollha li bħalissa qed imexxu l-ġlieda kontra l-coronavirus f’Malta mhux l-ewwel darba li jħossuhom emozzjonati meta jaraw dak li qed jiġri barra minn Malta.

Hu qal dan meta kien qed jiġi intervistat waqt il-Breakfast Show fuq l-istazzjon tar-radju 103. Hu spjega li hemm diversi persuni li qed jaħdmu aktar minn 20 siegħa kuljum biex jassiguraw li Malta tkun kapaċi tilqa’ bis-saħħa lil dan il-virus. Dan hekk kif ta’ kuljum, qed jiżdiedu n-numru ta’ każi fil-pajjiż.

Spjega li dawn il-ħaddiema jinkwetaw ħafna meta jaraw kif f’pajjiżi oħrajn, hemm għexieren ta’ persuni li qed jispiċċaw imutu mhux għax qatilhom il-mikrobu, iżda għax il-pajjiż wasal fi stat fejn l-isptarijiet ma bdewx ilaħħqu mal-kura. Sostna li l-għan ta’ dawk kollha fuq il-fruntieri hija li l-għajnuna tingħata lil kull min jasal li jkollu bżonnha. Qal li ma jridux jaslu f’punt fejn ikollha ssir għażla.

Hu rrimarka li ħafna mill-Maltin u l-Għawdxin qed jifhmu l-ħtieġa li jikkoperaw. Qal li minkejja li ta’ kuljum in-numri jvarjaw, in-numru ta’ każijiet mistenni li jikber fil-ġranet li ġejjin. Sostna li dan huwa normali f’każi ta’ epidemija.

“Din is-sena, il-festa niċċelebrawha ġewwa”

L-appell ta’ Fearne kien sabiex din is-sena, il-pubbliku jiċċelebra l-festa ta’ Jum il-Ħelsien ġewwa. Appella wkoll sabiex dawk kollha li jħossu xi sintomi joqgħodu d-dar u jċemplu lill-helpline 111. Sostna li persuna li jaf ikollha sintomi ħfief u tiddeċiedi li toħroġ xorta waħda se xxerred il-marda.

Hu tkellem dwar każ fejn kien hemm raġel li ħaseb li kellu riħ ħafif, iżda aktar tard irriżulta li kien pożittiv għall-COVID-19. Qal li dan kien ħareġ xorta waħda qabel ma ġie ttestjat u wassal sabiex ixerridha. Qal li jekk il-pubbliku jibqa’ d-dar, il-virus mhux se jinfirex. Sostna li l-mikrobu ma jittiħidx mill-ħitan u ma jgħaddix minn ġol-ħġieġ.

“Illum il-poplu m’għadux Laburist jew Nazzjonalist”

Fearne sostna li jekk hemm xi ħaġa waħda pożittiva li ħarġet minn din is-sitwazzjoni preżenti hija li llum il-poplu m’għadux Laburist jew Nazzjonalist, iżda huwa Malti. Hu tkellem fuq id-diviżjoni politika li kienet karatteristika tal-pajjiż. Spjega li anke fuq kamp politiku, l-epidemija wasslet biex wieħed mhux jiġġudika persuna skont il-partit li tappoġġja iżda skont il-kompetenza tagħha. Irrimarka li jekk il-pajjiż jirnexxielu jżomm din il-mentalità wara li jgħaddi kollox, tkun ħarġet xi ħaġa ta’ ġid.

Sostna li hu dejjem qal li l-ħajja wara li tgħaddi din il-pandemija se tkun differenti. Qal li jemmen li l-maturità politika hija fost waħda mid-differenzi.

Fearne tenna li kull individwu għandu responsabbiltà u sehem x’jagħti billi primarjament jieħu ħsieb is-saħħa tiegħu u ta’ dawk ta’ madwaru. Qal li anke jekk wieħed jaqbad it-telefown u jċempel lil I qarib tiegħu, ikun qed jagħmel differenza kbira u pożittiva. Insista li l-azzjoni ta’ kull individwu se tagħmel differenza.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn