Awdjo: “Nappella lil DCG biex tippubblika immedjatament il-provi dwar Delia”

Is-Soċjologu Michael Briguglio, li fl-aħħar elezzjoni kien attiv fil-Forza Nazzjonali kontra l-korruzzjoni, appella lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia biex jekk għandha provi dwar dak li qed tallega fuq Adrian Delia, tippublikahom immedjatament u mhux toqgħod tistenna.
Żied jgħid li dan xorta hu każ differenti minn tal-Prim Ministru, il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.
Caruana Galizia qed tallega li Adrian Delia għandu jew kellu kont bankarju f’Jersey fir-Renju Unit, u li mal-14-il sena ilu kien irċieva fih somom kbar ta’ flus minn prostituzzjoni f’Soho. Qed tgħid ukoll li dan huwa rreġistrat taħt Marco Barbara, ix-xufier tal-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona.
Adrian Delia ċaħad kull akkuża u fetaħ tliet libelli kontra l-ġurnalista. Delia qal li l-kont kien ta' klijent li kera l-proprjetà f'Londra lil ħaddieħor u li għamillu kundizzjoni li ma jużahx għal skopijiet mhux xierqa.
F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Dr Briguglio rrimarka li ħa qatgħa malli sema’ bl-ewwel allegazzjonijiet fuq Adrian Delia, iżda sostna li bl-ispjegazzjoni li ta fil-konferenza tal-aħbarijiet tal-bieraħ, “saħħaħ ħafna l-argument tiegħu”.
Kien hawn li l-Eks Ċerpersin ta’ Alternattiva Demokratika insista li jekk Caruana Galizia trid li jkun hemm deċiżjonijiet għaqlija u trasparenti, għandha tgħaddi l-fatti kollha lil dawk fil-qasam legali u fl-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista li jistgħu jinvestigaw il-każ.
“Il-kwistjoni ta’ Egrant spiċċat arma f’idejn il-PM”
Appellala biex ma tagħmilx bħalma għamlet fil-każ ta’ Egrant fejn ħolqot aspettattiva, tensjoni u ansjetà u baqgħet ma ħarġet xejn.
“Egrant, minn kwistjoni li ġġiegħel lill-Prim Ministru jisħti, spiċċat arma f’idejh għax ma ħareġ xejn iżjed,” qal Dr Briguglio.
“Il-każ ta’ Muscat, Mizzi u Schembri huwa differenti minn ta’ Adrian Delia”
Dwar jekk hux qed ikun inkonsistenti meta qabel l-elezzjoni talab lill-Prim Ministru, lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri biex jirreżenjaw u issa mhux jagħmel l-istess appell lil Adrian Delia, Dr Briguglio qal li l-każ huwa differenti.
Spjega li fil-każ ta’ Mizzi u Schembri, kien hemm il-fatti ppubblikati fil-Panama Papers u li r-raġuni li kellu jirriżenja l-Prim Ministru, ma kinitx daqstant fuq il-każ Egrant, imma għax ma ħa l-ebda passi kontra Mizzi u Schembri.
Fakkar li l-każ tal-Prim Ministru għadu miftuħ u għadu quddiem il-Qorti.
X’qed jgħidu n-nies dwar Adrian Delia?
Kienu ħafna dawk li kitbu dwar l-allegazzjonijiet ta’ Dr Adrian Delia, min jipproteġih u min jgħid li għandu jwarrab u tkun sospiża l-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Fost ħafna kummenti kien hemm min kiteb li ma għandux l-iċken dubju li l-attakki qed jippruvaw jitfgħu dell ikrah fuq Delia ftit jiem qabel l-elezzjoni. Ħafna qalu li Delia huwa l-uniku tama għall-Partit Nazzjonalista u li dan huwa “l-ewwel test tiegħu.”
Oħrajn ikkummentaw li fl-aħħar mill-aħħar “kulħadd għandu xi ħaġa.”
Iżda kien hemm min insista li dan l-ostaklu li sab il-Partit Nazzjonalista ma’ wiċċu, huwa riżultat ta’ nuqqas ta’ due diligence qabel ġew approvati l-kandidati. Oħrajn saħqu li jekk mhux se jkun hemm investigazzjoni issa fuq il-kandidati kollha, għada pitgħada l-Partit Nazzjonalista se jerġa’ jħabbat wiċċu ma’ dawn l-allegazzjonijet.
Għada se jiltaqa’ l-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista li mistenni jiddeċiedi x’passi se jieħu fuq il-kandidatura ta’ Adrian Delia.