Awdjo: Mixja għall-annimali maħqura

Nhar is-Sibt li ġej, Malta se tingħaqad mal-bqija tad-dinja biex għat-tielet sena konsekuttiva tfakkar il-moħqrija fuq l-annimali, permezz ta’ mixja għall-klieb organizzata mill-grupp Weeac (World Event to end Animal Cruelty) Malta.

Il-mixja se tibda fis-7pm minn ħdejn il-funtana l-ġdida f’Tax-Xbiex sa Triq Bisazza f’Tas-Sliema.

Dawk kollha li se jattendu għandhom jieħdu xemgħa, biex fl-aħħar tal-attività jinxtegħlu x-xemgħat kollha biex jiftfakkru l-annimali li sfaw maħqura.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Fleur Marie Cilia Buckett, il-President ta’ Weeac Malta li qalet li waqt din l-attività se tiġi ffirmata wkoll petizzjoni biex jitwaqqaf l-ittestjar fuq l-annimali fil-laboratorji madwar id-dinja kollha.

Kull min jiffirma l-petizzjoni jingħata rigal għal kelb jew qattus tiegħu.

Din il-mixja bdiet issir fuq inizjattiva ta’ Cilia Bucket innifisha wara li fl-2011 indifnet ħajja l-kelba Star.

Fil-fatt jiem biss wara l-mewt ta’ Star, kienet għamlet protesta biex jingħataw pieni aktar ħorox fuq abbuż tal-annimali.

Weeac Malta appellat lil dawk  li se jattendu biex jekk jistgħu jagħtu donazzjonijiet tal-ikel tal-qtates għas-Santwarju Tomasino.