Awdjo: Minn poeżija għal film… u aktar

Awwissu għal dawk li għandhom għal qalbhom il-letteratura jfisser waħda mill-aktar attivitajiet importanti fil-kalendarju letterarju Malti: il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta. Dan il-festival ilaqqa’ l-kittieba, kemm lokali u anke internazzjonali, it-tradutturi, il-pubblikaturi, l-edituri u l-qarrejja.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Leanne Ellul, il-kittieba u għalliema li tikkordina dan il-Festival f’isem Inizjamed, l-għaqda non-governattiva li ilha torganizzah għal dawn l-aħħar 13-il sena.

Minkejja li l-Festival idum 3 ijiem, bejn il-Ħamis 23 t’Awwissu u s-Sibt 25 t’Awwissu, ikun hemm ħafna xogħol u attivitajiet oħra għaddejjin minn wara l-kwinti.

Poeżija mibdula f’film

Proġett interessanti marbut mal-Festival li din is-sena qiegħed fil-5 sena tiegħu huwa Poetry on Film: proġett fejn isiru films qosra bbażati fuq poeżiji Maltin, li ilu għaddej xhur sħaħ. Din is-sena, waqt il-Festival, se jitnedew il-film Kafè bbażat fuq poeżija ta’ Achille Mizzi u maħdum minn Kenneth Scicluna u Clare Azzopardi, u Il-Lejl f’Dan l-Istazzjon fuq poeżija ta’ Oliver Friggieri, li nħadem minn Take2 Entertainment.

Ta’ kuljum fil-ġranet ta’ qabel il-Festival isiru workshops bejn il-kittieba barranin mistednin u l-kittieba Maltin li fihom il-kittieba jaqsmu x-xogħol tagħhom, u jittraduċu xogħol xulxin, f’eżerċizzju ta’ qsim ta’ letteraturi u kulturi.

Ta’ qabel il-Festival

Barra minn hekk, din is-sena, għall-ewwel darba, saru attivitajiet miftuħin għall-pubbliku li jantiċipaw il-Festival.

L-ewwel waħda, nhar il-Ħadd li għadda, kienet diskussjoni mmexxija mill-kittieb Immanuel Mifsud, jisimha Losing My Space, dwar kif il-letteratura hi affettwata mill-ispazju dejjem jonqos, mill-kostruzzjoni bla waqfien, mill-krejnijiet u l-qtugħ ta’ nifs li jġibu magħhom. Fid-diskussjoni pparteċipaw il-kittieb Malti Teodor Reljić u l-kittieb Ingliż Roger West.

It-tieni attività ta’ qabel il-Festival hija diskussjoni dwar ir-relazzjoni bejn il-letteratura u s-saħħa, imsemmija Writing Fragile, li tesplora l-konfini bejn il-letteratura u r-rakkont ta’ ġrajjiet emozzjonanti fuq is-saħħa, dik mentali, fiżika u emozzjonali. Din it-taħdita hi mmexxija minn Glen Calleja, u fiha se jipparteċipaw Clare Azzopardi, Laia López Manrique, Massimo Barilla, Juana Adock u Jean-Rémi Gandon.

Il-ġurnata ta’ qabel il-Festival se ġġib magħha 2 attivitajiet: waħda ġdida u oħra magħrufa fost dawk li jsegwu x-xena letterarja. L-Erbgħa filgħaxija fis-6pm, Inizjamed ħejjiet mixja madwar il-Forti Manoel, fejn se jsir il-Festival, iggwidata mill-Perit Edward Said. Wara, kulħadd hu mistieden għal sessjoni mis-serje Palk Ħieles, fejn il-pubbliku hu mħeġġeġ isemma’ leħnu: permezz ta’ poeżija, storja, kanzunetta, ikun xi jkun.

Il-kittieba

Il-kittieba mistiedna għall-Festival din is-sena huma Clare Azzopardi, Caldon Mercieca, Teodor Reljić u Philip Sciberras minn Malta, u Juana Adcock, Massimo Barilla, Aslı Erdoğan, Jean-Rémy Gandon, Arjan Hut, Laia López Manrique, Sjón u Ali Thareb minn pajjiżi varji madwar il-Mediterran u lil hinn.

Id-dħul għall-Festival huwa b’xejn, u hu miftuħ għall-familja kollha. Waqt il-Festival ikun hemm ukoll xi kotba għall-bejgħ.

Dan il-Festival jittella’ minn Inizjamed, il-Kunsill Malti għall-Arti u Literature Across Frontiers, bl-għajnuna tal-Fondazzjoni Valletta 2018, il-Fondazzjoni Manoel Island, Għaqda tal-Malti – Università, il-voluntiera minn Tal-Kultura u Studio Solipsis.

Il-programm kollu tal-Festival tista’ tarah hawn.