Awdjo: Minn maniġer f’kumpanija għal saċerdot

Il-Ġiżwita Fr Christopher Vella, wieħed mid-disa’ saċerdoti li ġew ordnati f’Lulju li għadda, għamel seba’ snin maniġer f’kumpanija privata fejn kien jieħu ħsieb prodotti relatati mat-trattament tal-ilma. 

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Fr Christopher Vella qal li s-sejħa li jsir saċerdot ħassha meta kellu 29 sena. Jgħid li għalkemm ma ħallietx effett dirett fuq is-sejħa tiegħu, it-trobbija tiegħu tagħtu bażi soda fil-fidi f’Alla.

Jirrakkonta kif meta kien tifel, ommu xtaqitu jsir abbati iżda hu qatt ma kien entużjast dwar dan.

Madanakollu jgħid li kien impenjat fil-Mużew b’ruħu u b’ġismu, fejn dam prefett tad-duttrina għal xi sitt snin.

Meta kien jattendi l-Junior College, dak iż-żmien il-Liċeo Ġian Franġisk Abela fl-Imsida, Fr Christopher kien ġie ispirat mill-Ġiżwita Fr Paul Chetcuti li kien jieħu ħsieb il-Kappella tal-kulleġġ.

Wara li lesta l-kors tal-B.Sc. fil-Bioloġija u l-Kimika, Fr Christopher beda jgħallem għal sentejn, iżda rrealizza li jkun għalliem ma kinitx xi ħaġa għalih.

Fr Christopher Vella daħal mal-Ġiżwiti f’Ottubru tal-2004.

Spjega kif wara li kien ilu erba’ snin magħhom, għamel sena jagħti servizz fil-Jesuit Refugee Service (JRS) fejn fost l-oħrajn kien jakkumpanja lir-refuġjati u jmur ħdejhom fiċ-ċentri ta’ detenzjoni.

Huwa qiegħed jgħix Pariġi fejn qiegħed jagħmel Masters fit-teoloġija.

Dan is-sajf, qiegħed joqgħod fir-residenza tal-Ġiżwiti fil-Kulleġġ San Alwiġi f’Birkirkara flimkien ma’ tmien Ġiżwiti oħra