Awdjo: Minn Bieb il-Belt sal-Palazz b’risq it-trabi fil-ġuf

Il-Moviment Malti dwar it-Tarbija li se Titwieled, ilu għal dawn l-aħħar snin jiċċelebra l-Okkażjoni ta' Jum il-Ħajja fl-ewwel Ħadd ta' Frar. L-istess moviment għandu firxa iżjed wiesa’ milli sempliċiment joħloq kuxjenza kontra l-abort. Tony Mifsud, koordinatur tal-moviment qal ma' Newsbook.com.mt li l-għan ewlieni tal-moviment huwa li jippromwovi ħajja b’saħħitha lit-trabi fil-ġuf anke bil-mod u stil ta’ ħajja li jaddottaw il-ġenituri.

Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħajja, nhar il-Ħadd li ġej se ssir mixja minn Bieb il-Belt sal-Palazz tal-President fejn hemmhekk issir żjara ta’ korteżija lill-President Marie Louise Coleiro Preca.
Tony Mifsud stieden b’mod partikolari lil dawk li qed jistennew tarbija, sabiex jattendu għall-Mixja u l-Quddiesa.
Għall-ewwel darba l-President se tkompli bil-mixja sal-Konkatidral fejn issir Konċelebrazzjoni Solenni.
Għall-ewwel darba wkoll se jkun l-Amministratur Appostoliku Charles Scicluna li se jiċċelebra l-Quddiesa li għaliha huma mistiedna jattendu l-koppji li qed jistennew tarbija.
Il-Moviment Malti dwar it-Tarbija li se Titwieled beda mis-Segretarjat Assistenza Soċjali tal-Azzjoni Kattolika u illum jinkorpora fih mal-45 organizzazzjoni fosthom il-Moviment ta’ Kana u msieħba politiċi u trejdunjonistiċi.