Awdjo: Minkejja s-surveys favurih, Joseph Muscat jibqa’ jgħid li hu l-‘underdog’

Il-Mexxej Laburista qal li hekk kif baqa’ ftit jiem għall-elezzjoni ġenerali, il-Partit Laburista għadu minn taħt u se jibqa’ hekk sa dakinhar tal-elezzjoni.

Waqt intervista fuq l-istazzjon televiżiv tal-Partit Laburista, Dr Joseph Muscat sostna li nhar l-elezzjoni mhux is-surveys li se jgħoddu, imma l-voti. Sostna li minkejja jifhem lil dawk in-nies li ma jridux imorru jivvutaw, qal li dawn xorta waħda mhux se jkunu qed jużaw id-dritt tal-vot b’mod għaqli. Għal darba, tnejn tlieta, Joseph Muscat appella biex il-votanti joħorġu jivvotaw kmieni.

Qal li għall-ewwel darba fl-istorja ta’ Malta, il-Partit Laburista għamel kampanja elettorali pożittiva u ma għamel ebda billboard negattiv.

Dwar il-qgħad, qal li fl-aħħar sena dan kompla jiżdied u l-ikbar problema hi li l-Prim Ministru mhux jammetti. F’Għawdex qed iħoss li hemm ħeġġa kbira għall-bidla. Għal Għawdex, Joseph Muscat qal li l-Partit għandu pjan biex jinħolqu impjiegi ġodda.

Fost il-proġetti fuq nett tal-aġenda tal-Partit Laburista qal li hemm il-persuni b’diżabilità u kif dawn jistgħu jibqgħu jgħixu fil-komunità minkejja li jiġu nieqsa l-ġenituri.

Tkellem ukoll dwar l-ekonomija u qal li Malta ma tistax tibqa’ tiddependi fuq ftit setturi. Saħaq li Malta għandha tinvesti iktar fis-settur tal-enerġija, fis-settur marittimu u iktar fit-turiżmu.