Awdjo: Minix nippjana reshuffle – Il-Prim Ministru

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ċaħad ix-xnigħat li l-Gvern għandu l-pjan li jagħmel reshuffle tal-Kabinett tal-Ministri fix-xhur li ġejjin.
Waqt il-programm Għandi xi Ngħid fuq l-istazzjon nazzjonali tar-radju, il-Prim Ministru sostna li r-reshuffle mhux qiegħda fil-pjan. Dwar il-possibiltà li ssir fit-tliet snin li ġejjin, Dr Muscat reġa’ wieġeb li mhix fil-pjani tiegħu, iżda “jista’ jkun hemm u jista’ ma jkunx hemm.”
Dwar il-każ tal-isparaturi fuq karozza mix-xufier tal-Ministru Manuel Mallia, il-Prim Ministru wieġeb li l-azzjoni mhix ġustifikabbli minn persuna li hu membru ta’ korp dixxipplinat.
Żied jgħid li jekk mill-inkjesta maġisterjali joħroġ li l-Ministru b’xi mod kien infurmat jew ta struzzjonijiet lil din il-persuna, hemmhekk tintrefa’ ir-responsabbiltà politika sħiħa.
Dwar l-informazzjoni li ħarġet mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Gvern dakinhar tal-inċident, Joseph Muscat qal li l-informazzjoni żbaljata li ngħatat ma saritx bi skop.
Dwar il-ftehim tat-trasport pubbliku li kien ippjanat li jiġi ffirmat f’Jannar li ġej u ġie mwaqqaf mill-Qorti, il-Prim Ministru qal li jidher li r-raġuni prinċipali tal-konsorzju li qed jikkontesta d-deċiżjoni hi li l-handover mhux se ssir f’ġurnata waħda imma fuq perjodu ta’ ġimgħat.
Spjega li l-konsorzju li qed jipprotesta huwa dak li l-Gvern qed jaħdem bih bħalissa, il-UBS. Żied jgħid li għaldaqstant kull ġimgħa posposta mill-iffirmar mal-konsorzju rebbieħ, tkun tfisser aktar qligħ għall-UBS.
Ritratt: James Galea