Awdjo: Minħabba l-qamar mhux se naraw kwiekeb feġġejja

Dawk li llejla bi ħsiebhom imorru fil-mudlam bit-tir li jaraw xita ta’ kwiekeb feġġejja, jew aħjar id-dmugħ ta’ San Lawrenz, se jibqgħu diżappuntati.
Dan għaliex tmur fejn tmur, id-dija tal-qamar se tkun wisq qawwija biex ikun hawn rokna bla dawl fil-gżejjer Maltin.
Skont Tony Tanti, membru tal-Għaqda Maltija tal-Astronomija,  dawn il-kwiekeb is-soltu jidhru tajjeb mill-Aħrax tal-Mellieħa, Ras il-Qammiegħ jew mill-Irdum ta’ Ħad-Dingli, bejn is-sagħtejn u s-sitta ta’ filgħodu sakemm titla’ x-xemx.
Tony Tanti spjega li l-kwiekeb feġġejja li naraw fit-tieni ġimgħa ta’ Awwissu, l-aktar fit-12 ta’ Awwissu, fil-verità huma trabijiet tal-kometa Swift-Tuttle meta kienet għaddejja fl-ispazju u viċin tad-dinja daqs 30 sena ilu.
Dawn il-kwiekeb feġġejja ngħataw il-laqam tad-Dmugħ ta’ San Lawrenz għal raġuni waħda; għax dan l-avveniment astronomiku jseħħ qrib il-festa ta’ San Lawrenz u jirrappreżentaw id-dmugħ tal-qaddis waqt li kien qed jingħata l-martirju.
Il-qamar li rajna fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, kien 14% akbar mis-soltu għax kien viċin tad-dinja.  Filfatt bejn id-dinja u l-qamar kien hemm distanza ta’ 357,000 kilometru. 
Minħabba wkoll li kien viċin, id-dija tiegħu kienet ta’ 30% aktar. 
Fid-9 ta’ Settembru li ġej se nkunu nistgħu nerġgħu naraw qamar kbir u mill-isbaħ.