Awdjo: “Mingħajr il-kuntratt, ma nistax nirranġa d-dar għal ibni b’diżabilità”

“Ili 16-il sena nistenna għall-kuntratt sabiex id-dar tiegħi tinqaleb f’ismi. Mingħajr dan il-kuntratt qed tbati l-familja tiegħi, partikolarment ibni ta’ sentejn u nofs li għandu diżabilità għaliex ma nistax nissellef flus mill-bank biex naġġusta d-dar u niffaċilitalu ħajtu.” 
Hekk stqarr ma’ Newsbook.com.mt Mario Abela, missier tal-familja li jirrakkonta kif kien xtara l-propjetà tiegħu mill-gvern fl-1988.
Sa għaxar snin wara, jiġifieri fl-1998, jgħid li kien feda ċ-ċens u staqsa x’irid isir biex id-dar tgħaddi f’ismu. Qal li minkejja li 16-il sena ilu ġie infurmat li kellu jirċievi karta, baqa’ ma rċieva xejn u issa minkejja li ħallas parti kbira mid-dar tiegħu, xorta waħda għadha m’hijiex f’ismu.
Jispjega kif dan id-dewmien qed joħloqlu diversi diffikultajiet. Fost l-oħrajn Mario jgħid li ma jistax iserraħ rasu li ladarba jiġu nieqsa huwa u l-mara, se jħalli d-dar mingħajr ebda inkwiet għall-uliedu.
Jgħid li lanqas ma jista’ jbiegħ id-dar jekk il-familja tiegħu tiddeċiedi li tmur tgħix f’residenza iżgħar minħabba l-bżonnijiet speċjali ta’ ibnu.
Isemmi kif “hemm familji oħra li jinsabu fl-istess pożizzjoni tiegħi iżda nħoss li għandi nitkellem għax din hija inġustizzja min-naħa taż-żewġ gvernijiet”.
Fl-aħħar nett il-missier jgħid kif bħalissa għaddej bil-proċess li japplika għall-“presidential order” biex ikun jista’ jissellef flus mill-bank ħalli jirranġa d-dar.
F’April li għadda fl-intervista tal-ġimgħa, il-mara ta’ Mario kienet tkellmet dwar il-kundizzjoni ta’ binha Gabriel li għandu kundizzjoni rari ħafna fil-moħħ.