Awdjo: “Min għamel ħażin irid iħallas, irrelevanti hux il-pulizija jew it-tifel”

Dwar il-każ tat-tifel ta’ 12-il sena li nqabad mill-Pulizija jsuq BMW fil-Ħamrun u l-allegazzjonijiet ta’ ommu li binha ġie msawwat mill-Pulizija, l-eks-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit qal li “min għamel ħażin għandu jħallas, irrelevanti jekk kienx il-pulizija jew il-minuri.”
Ma’ Newsbook.com.mt, l-eks-Kummissarju qal li l-allegazzjonijiet isiru kuljum u għalhekk iridu jiġu ppruvati minn proċeduri interni tal-Pulizija u inkjesta Maġisterjali.
“L-importanti mhux l-allegazzjonijiet imma l-fatti li għandhom jiġu murija anke għall-iskrutinju tal-pubbliku,” żied jgħid Zammit.
Qal ukoll li “kif kien hemm min ikkummenta, żgur li din ma kinitx l-ewwel darba li t-tifel ħa l-karozza, minħabba li jidher li hu kapaċi jsuq.” Filwaqt li stqarr li wieħed ma jista’ jeskludi xejn, insista li l-probabbiltà hi li dan ma kienx inċident iżolat.
"Il-karozzi huma magħmulin għall-adulti"
Saħaq li l-karozzi huma magħmulin għall-adulti u għaldaqstant il-minuri jsibu diffikultà anke fiżika biex jimmaniġġjaw karozza.
“Jekk il-minorenni jkun ġab ruħu fiżikament, xorta jkun għad fadal il-konsegwenzi legali u morali,” sostna l-eks-Kummissarju.
Spjega li kieku t-tifel laqat jew tajjar lil xi ħadd, kien ikollu responsabbiltà legali u morali li jibqa’ jġorr il-piż tagħha ħajtu kollha.
Peter Paul Zammit irrefera għal-liġi li tgħid li sa 14-il sena, il-minorreni huma eżentati mir-responsabbiltà kriminali, liema responsabilitajiet iridu jinġarru minn xi ħadd, normalment mill-ġenituri. “L-arrest isir dejjem, li ma jistax jittieħed il-Qorti,” kompla jgħid.
"L-istorja ma tiqafx wara li l-minuri jitwaqqaf mill-Pulizija u jingħata lura lill-ġenituri tiegħu"
Fil-kumment tiegħu ma' Newsbook.com.mt, Dr Peter Paul Zammit saħaq li l-istorja ma tiqafx wara li l-minuri jitwaqqaf mill-Pulizija, jiġi arrestat u jingħata lura lill-ġenituri tiegħu.
Zammit qal li mill-investigazzjoni jrid jirriżulta jekk il-ġenituri ħadux azzjoni b’responsabbiltà, u li fuq il-minuri jistgħu jittieħdu passi jekk pereżempju jirriżulta li l-ġenituri mhumiex kapaċi jikkontrollaw lit-tfal.
"Każi bħal dawn ta' età daqshekk żgħira mhumiex daqstant komuni"
Dr Zammit qal li dawn il-każi mhumiex daqstant komuni, u li hemm tendenza li l-ġenituri jkollhom sorveljanza tajba fuq uliedhom. Semma li l-każi jiżdiedu meta l-minuri jkunu qrib ħafna l-età ta’ liċenzja.
Irrefera għall-badger carting u off roading bħala sitwazzjonijiet tajbin li s-sewwieqa ta’ għada jitgħallmu jsuqu f’ambitu legali, iżda l-aktar regola importanti f’dan il-każ kienet li t-tifel mhux kopert b’liċenzja jew bil-liġi biex isuq.
Temm jgħid li hi l-edukazzjoni biss li tista’ twassal biex jingħeleb dan l-abbuż u li din trid tingħata mill-Pulizija, mill-ġenituri u mis-sistema edukattiva.