Awdjo: Mill-parties u l-ħaxixa għall-patri fqir u kuntent

Żewġ patrijiet, soru u żewġ novizzi li jivvjaġġaw minn pajjiż għall-ieħor bil-Bibbja biss f’idejhom – għadhom kemm qattgħu ftit jiem fil-gżejjer Maltin wara li niżlu minn Noto fi Sqallija.
Newsbook.com.mt ħataf l-okkażjoni jiltaqa’ ma’ wieħed minnhom, Fra Volantino li b’karattru li mill-ewwel jiġbdek, tkellem dwar kif hu u l-erba’ sħabu l-oħra r-reliġjużi jivvjaġġaw mingħajr bagalja u mingħajr flus.
Il-problema tat-trasport tidher li għalihom mhi problema xejn għax imorru kullimkien bil-mixi jew inkella jaraw kif jirranġaw biex jitilgħu ma’ xi ħadd.
Fra Volantino jgħid li biex jgħixu kemm jista’ jkun il-Vanġelu, ħafna drabi jiddependu għal kollox fuq il-providenza u anke jivvjaġġaw b’ta’ fuqhom senduqhom.
Il-patri Sqalli jirrakkonta kif qabel ma sar reliġjuż, kien sid ta’ ħanut tax-xorb, imexxi wkoll ċentru tal-bodybuilding u anke kien kuntrattur tal-bini.
Imma dan jidher li ma kienx biżżejjed għal Fra Volantino għax fil-ħin liberu tiegħu kien jirkeb il-mutur u jsuqu b’veloċità qawwija.
Ftakar ukoll fi żmien iż-żgħożija meta qal li kellu aktar minn misluta waħda, jorganizza parties għal 1,500 persuna u bħal ħafna minn sħabu, kien ukoll ipejjep il-ħaxixa. 
F’dan iż-żmien ta’ tħarbit u divertiment, Fra Volantino qal li l-inqas ħaġa li kellu bżonn kien Alla. Tant li ammetta li għamel żmien twil ma jemminx fih.
Għal kuntrarju ta’ dak iż-żmien, Fra Volantino jgħid li llum lanqas biss issiblu ewro fil-but, iżda għandu l-aktar ħaġa importanti, li hi l-paċi f’qalbu.
Dawn il-ħames reliġjużi ġew Malta għax kien hemm ruħ twajba li rranġatilhom biex jaqbdu l-katamaran b’xejn minn Sqallija.L-istess persuna sabitilhom post fejn joqogħdu f’Wied il-Għajn.
Fil-ftit jiem li qattgħu f’Malta, żaru diversi lokalitajiet fosthom il-Belt u Għawdex.  Irnexxielhom ukoll jiltaqgħu mal-Arċisqof Pawl Cremona fid-dar tiegħu.   

Ritratti: Facebook