Awdjo: Mill-Brażil: Il-Jum Dinji taż-żgħażagħ jagħti enerġija ġdida liż-żgħażagħ Maltin

Iż-żgħażagħ Maltin waslu biex itemmu l-esperjenza ta’ tliet ġimgħat fil-Brażil wara li nhar il-Ħadd li għadda, flimkien ma’ Papa Franġisku u aktar minn 3 miljun persuna oħra kienu preżenti għall-quddiesa li fakkret il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ u li saret fuq il-bajja ta’ Copacabana f’Rio de Janiero.

Matul dawn it-tliet ġimgħat, il-Maltin daqu ftit mill-ħajja ta’ kuljum tal-poplu Brażiljan.  Qattgħu ġimgħa jgħixu fir-raħal ta’ Rolandia, fil-parroċċa ta’ San Ġużepp li hi mmexxija mill-qassis Għawdxi Dun Jose Agius.  Hemmhekk għexu għal kważi sebat ijiem mal-familji tal-post. Għexu jumejn mal-familji tal-belt ta’ Jundiai, li l-isqof ta’ din id-Djoċesi hu l-Monsinjur Malti Vincent Costa.

Uħud miż-żgħażagħ li Newsbook tkellem magħhom jgħidu dawn kienu fost l-isbaħ jiem ta’ ħajjithom għax għexu mill-qrib il-Fidi u l-imħabba bla kundizzjoni u preġudizzji.  

Imma kif kien mistenni, iż-żgħażagħ għexu l-ikbar esperjenzi tul dik il-ġimgħa li ċċelebrat il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ hekk kif malli waslu f’Rio nħasset mill-bidu l-Fidi li l-eluf ta’ żgħażagħ għandhom fi Kristu u fil-Knisja Kattolikta.

It-tema ta’ din is-sena kienet “Morru u għamlu dixxipli mill-ġnus kollha”. Filfatt fid-diskorsi tiegħu maż-żgħażagħ, Papa Franġisku enfasizza dwar kemm hu importanti li jkunu ż-żgħażagħ stess li jevanġelizzaw u jwasslu l-Kelma tal-Mulej lil żgħażagħ oħra b’kull mod possibbli. 

Id-delegazzjoni Maltija li telgħet mal-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ kienet tikkonsisti minn 45 żagħżugħ u żagħżugħa minn diversi parroċċi u għaqdiet.  Dawn mistennija jirritornaw Malta nar il-Ħadd li ġej fis-sagħtejn u nofs ta’ waranofsinhar.

Il-Brażil mar ukoll grupp ta’ żgħażagħ li qiegħed fil-Mixja tan-Neokatekuminali u anke Maltin oħra li kienu fil-Brażil jagħmlu xogħol volontarju.