Awdjo: Michelle Muscat b’10 kilometri għall-karità

Wara taħriġ intensiv waslet il-ġurnata għal Michelle Muscat biex taqsam mill-akkwati ta’ Fra Ben sal-Port ta’ Marsamxett fl-attività North to Port.
Taħt temperatura ta’ 36°C b’riħ ta’ forza tnejn għal tlieta Michelle Muscat se tgħum 10km biex tiġbor il-flus għall-Fondazzjoni Marigold.
Waqt il-programm Insellimlek Michelle Muscat spjegat li l-għan tal-Fondazzjoni huwa li tgħin għaqdiet mhux governattivi fosthom għaqdiet ta’ tfal bl-awtiżmu u tal-mard rari.
Muscat spjegat li minn dejjem kienet tħobb il-baħar u meta kienet tmur tara l-għawwiema tal-Ispecial Olympics ġietha l-idea biex tgħinhom u tagħmel xi ħaġa biex tiġbor il-flus għalihom mingħajr ma tikkompeti b’mod dirett magħhom.
Qalet li din hija t-tielet sena li se tagħmel din l-għawma, fejn l-ewwel sena kienet ta’ 6km minn Għawdex għal Malta u s-sena l-oħra 8km minn Wied il-Għajn għal Port il-Kbir.
Ir-rotta ta’ din is-sena mhix waħda faċli, kif spjegat Michelle Muscat hemm żoni li joffru sfida mhux ħażin fosthom mit-Torri ta’ Baħar iċ-Ċagħaq sal-White Rocks għax hemm ħafna kurrenti u jaħkem ir-riħ.
Spjegat li anke kif inhi r-rotta, li ma tarax id-destinazzjoni finali tul l-għawma toffri aktar sfidi u stqarret li jekk għada jkun riefnu jew ikun hemm ċertu kurrenti ta’ periklu mhux se tinżel tgħum.     
Biex għada se tinżel fil-baħar u terħilha għall-għawma, Muscat kellha tagħmel taħriġ intensiv mingħajr waqfien, li kif spjegat hi stess anke matul il-kampanja elettorali baqgħet għaddejja minkejja l-impenji li kien ikollha.
Spjegat li fix-xitwa tagħmel it-taħriġ fil-pixxina għax hemm tista’ tibni stamina u tagħmel taħriġ li l-baħar ma jħallikx tagħmilhom minħabba l-kurrent.
Intant min jixtieq jagħti donazzjoni jista’ jċempel:

51702052- €15
51802053- €25
SMS 50619238 għal €11.65

Ritratti: Ian Noel Pace