Awdjo: “Mhux tajjeb li ma tagħtix kas; Lanqas mhu tajjeb li tiffissa” – Prof. Lauri

Mary Anne Lauri

Read in English.

Filwaqt li huwa sinjal ħażin li xi ħadd ma jagħtix kas dwar ir-realtà tal-coronavirus, huwa sinjal ħażin bl-istess mod li wieħed jiffissa minħabba dan. Dan qalitu l-Professur Mary Anne Lauri waqt li kienet qed tiġi intervistata fil-programm Newsbook Hour fuq 103.

Il-Prof. Lauri qalet li hawn persuni li qed jinkwetaw ħafna u sostniet li l-midja għandha responsabbiltà li tuża kliem li biex trażżan il-paniku. Qalet li importanti li dejjem nemfasizzaw li din xi ħaġa li qed tiġi kkontrollata u li hemm modi kif kulħadd ikollu parti fil-kontroll tagħha, inkluż billi wieħed iżomm iġene bażika tajba u jaħsel idejh ta’ spiss.

Irrimarkat li hawn persuni li saħansitra l-ansjetà li għandhom qed tmarradhom. Irrimarkat li kulħadd jaf x’inhuma l-prekawzjonijiet. Qalet li importanti li wieħed ma joħroġx barra sakemm mhux għax verament għandu bżonn. Spjegat ukoll li minkejja li hemm persuni li jafu dan, xorta waħda jħossuhom anzjużi.

Semmiet ukoll kif hemm diversi persuni li jiddeċiedu li jippostjaw fuq il-midja soċjali mingħajr ma jiċċekkjaw l-informazzjoni, sempliċiment għax ikunu semgħu xi ħaġa minn x’imkien. Qalet li dan l-użu tal-midja soċjali huwa irresponsabbli. Appellat sabiex qabel ma xi ħadd itella’ xi ħaġa fuq il-midja soċjali l-ewwel jagħmel riċerka, imbagħad jipproċedi biex ixerred informazzjoni.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn