Awdjo: Mhux se jsiru 3 karnivali fis-sena

Is-Segretarju Parlamentari għall-Kultura, Dr Josè Herrera sostna li mhux se jsiru tliet karnivali fis-sena.

Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, Dr Herrera qal li f’Ġunju li għadda waqt il-laqgħa ta’ konsultazzjoni Il-Gvern li Jisma’ fil-Berġa ta’ Kastilja, kien ġie kkwotat ħażin intenzjonalment.

Spjega kif meta semma tliet karnivali fis-sena kien qed jgħid biss is-suġġerimenti li waslulu, jiġifieri karnival tradizzjonali ta’ qabel Ras ir-Randan, imma mingħajr karrijiet; karnival ieħor f’Mejju bil-karrijiet u karnival ieħor fis-Sajf.

Dr Josè Herrera sostna li l-karnival tas-sajf huwa wieħed sekondarju, li jsir f’ċertu pajjiżi fejn hemm it-temp tajjeb bil-għan li jippromwovi żoni turistiċi.

Saħaq li wara li evalwa l-opinjoni ta’ kulħadd, iddeċieda li l-karnival jibqa’ jsir fil-ġranet tas-soltu.