Awdjo: Mhux se joħroġ iktar għall-kaċċa minħabba t-theddid

Wara li tella’ kumment fuq il-Facebook tiegħu, kaċċatur spiċċa fil-mira ta’ theddid u insulti, anke wara li neħħa din il-post.
Ma’ Newsbook.com.mt Noel Caruana qal li ddispjaċih għal dak li għamel, iżda s’issa għadu jirċievi messaġġi u telefonati minħabba dak li kiteb.
Spjega li wara li kien ilu aktar minn ġimagħtejn id-dar minħabba uġigħ f’daru u ma setax imur jikkaċċja kif fetaħ l-istaġun, huwa kiteb fuq Facebook li kull għasfur li jaraw għandu jinqatel.
Wara siegħa u nofs, Noel neħħa l-post iżda din baqgħet iddur fuq l-internet u l-kummenti tan-nies baqgħu jiżdiedu.
Noel ammetta li l-post setgħet għamlet ħsara kemm lilu u lill-familja tiegħu, kif ukoll lill-kaċċaturi oħra.
Filwaqt li ta r-raġun lil min qed jibgħatlu dawn il-messaġġi, Noel baqa’ skantat b’dak li qed isejjaħ ‘ħdura’ lejh.
Semma li anke tal-familja tiegħu issa qed jibżgħu joħorġu.
Fost il-messaġġi li rċieva, Noel qal li kien hemm min fetaħlu għajnejh u għenu.
Minkejja li għalissa se jibqa’ fl-FKNK, Noel temm jgħid li mhux se jibqa’ joħroġ għal kaċċa.