Awdjo: “Mhux bilfors ikollok kundizzjoni biex tibbenefika mill-fiżjoterapija”

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Fiżjoterapija, Newsbook.com.mt tkellem mal-fiżjoterapista Anna Maria Risso li qalet li mhux bilfors li persuna trid tkun tbati minn xi kundizzjoni, sabiex tibbenefika mill-fiżjoterapija. Qalet li b’xorti ħażina f’Malta ma tantx għadha daħlet il-mentalità li persuna tkellem lill-fiżjoterapista dwar l-aspett ta’ prevenzjoni.
Hija irreferiet għall-firxa wiesgħa ta’ kundizzjonijiet jew mard li jistgħu jibbenefikaw mill-fiżjoterapija. Fost dawn semmiet it-tibdil tal-irkoppa, kundizzjonijiet tal-qalb, zokkor, problemi fil-pulmun, injuries sportivi, artrite, problemi fis-sinsla tad-dahar u l-marda tal-Parkinsons.
Spjegat li fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Fiżjoterapija li se jitfakkar fit-8 ta’ Settembru li ġej, il-ġimgħa d-dieħla se jiġu organiżżati sensiela ta’ laqgħat ta’ għarfien ġenerali fl-Isptar San Luqa.
Anna Maria Risso qalet li l-fiżjoterapija li tinvolvi l-eżerċizzju fiżiku hija fost l-aktar komuni f’Malta.
Dawn il-laqgħat li għall-ewwel darba se jkunu mifruxin fuq ħamest ijiem, se jkunu qed ikopru diversi suġġetti u se jkunu miftuħin għall-pubbliku ġenerali. Il-fiżjoterapista temmet tgħid li dawn il-laqgħat jgħinu wkoll lil studenti prospettivi li jinteressahom dan is-suġġett.
Il-programm sħiħ ta’ laqgħat li se jsiru bejn it-Tnejn l-1 u l-Ġimgħa 5 ta’ Settembru jista’ jitniżżel minn hawnhekk. Kull min huwa interessat jattendi jista’ wkoll iċempel fuq in-numru tat-telefon 22081351/2 jew jibgħat imejl fuq anna.m.risso@gov.mt