Awdjo: “Mhux aċċettabbli li jikkampjaw il-Belt, is-soluzzjoni hi uffiċċju ġdid”

Fiż-żmien li ġej se jinfetaħ uffiċċju ġdid viċin iċ-Ċentru miftuħ ta’ Ħal Far li se jkun qed jipproċessa applikazzjonijiet għall-permess ta’ residenza tal-immigranti irregolari. Dan l-uffiċċju se jkun amministrat minn Identity Malta u se jkun miftuħ b'mod regolari. 
Ma' Newsbook.com.mt, il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela kkundanna l-fatt li 300 immigrant qed jispiċċaw jorqdu barra d-Dipartiment taċ-Ċittadinanza fil-Belt Valletta biex japplikaw għal dan il-permess. Filwaqt li kkonferma li dan qed isir, qal li mill-informazzjoni li għandu jinqdew aktar minn 30 persuna f'ġimgħa.
Il-Ministru qal li nhar il-Ħamis li għadda żar dan id-Dipartiment u saħaq li trid tinstab soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni.
Spjega li dan l-aħħar kien hemm żieda f’dawn l-applikazzjonijiet minħabba li l-permessi antiki kienu ppubblikati kollha fl-istess ġurnata u b’hekk l-applikanti qed imorru jġeddu l-permess fl-istess żmien.