Awdjo: “Mhix tinkiser il-liġi għax il-Kunsill mhux iħallas għar-riċiklaġġ”

Is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Graziella Galea qed tirribatti l-istqarrija maħruġa mis-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali fejn qed jingħad li skema innovattiva għar-riċiklaġġ hija mogħnija b’irregolaritajiet.
Ma’ Newsbook.com.mt, Graziella Galea qalet li kien biss ġimgħatejn wara li ġiet imnedija din l-iskema li l-Gvern għamel din ir-reazzjoni.
L-iskema tikkonsisti f’magna fejn ir-residenti jistgħu jmorru jarmu fliexken tal-plastik u jingħataw lura numru ta’ vouchers li jistgħu jużaw.
Dan permezz ta’ installazzjoni ta’ magna apposta u bl-iskema li qed titħaddem minn kumpanija privata.
Skemi bħal din isiru f’bosta pajjiżi madwar l-Ewropa kif ukoll fil-Ġappun u ċ-Ċina.
Is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar qalet ma’ Newsbook.com.mt li kien hemm kunsens mill-Kunsill kollu li tiġi nstallata din il-magna la darba ma kienx se jkun hemm ħlasijiet xi jsiru.
Spjegat li mhux veru li l-Kunsill daħal f’xi kuntratt ma’ kumpanija privata għal dan is-servizz.
Enfasizzat li l-iskema tar-riċiklaġġ tal-fliexken tal-plastik mhix esklussiva u l-Kunsill Lokali jinsba lest li jilqa’ proposti mingħand kumpaniji oħra li lesti li jagħmlu miżuri simili favur l-ambjent.
Qalet ukoll li l-iskema ntlaqgħet tajjeb fost ir-residenti.
Is-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali huwa tal-fehma li l-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart huwa regolarizzat permezz ta’ liġijiet nazzjonali, direttivi Ewropej u l-politika nazzjonali.
Għaldaqstant kull inizjattiva meħuda trid tkun konformi ma’ dawn ir-regolamenti u tinkwadra fl-istess politika nazzjonali.
Il-Gvern qed jgħid li b’dan il-ftehim, il-Kunsill Lokali kiser il-liġi. Graziella Galea iżda spjegat li mhux minnu l-Kunsill injora l-liġijiet tal-public procurement ġaladarba mhux qed isir ħlas għas-servizz.
Fil-15 ta’ Ottubru li għadda, il-Kummissarju Ewropew Malti Karmenu Vella fuq Twitter wera b’filmat kif taħdem magna fiċ-Ċina simili għal dik li hemm f’San Pawl il-Baħar u meta wieħed jitfa’ flixkun tal-plastik jingħata biljett għat-trasport pubbliku.
Il-Kummissjoni Ewropea f’dawn l-aħħar xhur qed tippromwovi miżuri simili magħrufa bħala circular economy.
Karmenu Vella kien ukoll responsabbli mill-manifest elettorali tal-Partit Laburista.