Awdjo: “Meta ma togħġobniex il-verità ngħidu li hi fake news” – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li ħafna drabi l-verità tiġi akkużata li hi fake news, meta ma togħġobniex.
Waqt il-programm Follow Up fuq RTK, Mons. Scicluna stqarr li ħafna drabi d-dinja qed tkun vittma ta’ dawk imsejħa fake news, li jkunu ivvintati u li  jagħmlu ħafna ħsara. Madanakollu saħaq li rridu noqogħdu attenti biex ma ngħidux li mhux veru dak li ma jogħġobniex.
B’reazzjoni għall-aħbar li żdiedu bi 28% in-numru ta' drabi li s-sit tal aħbarijiet Newsbook.com.mt ġie aċċessat bejn Jannar ta' din is-sena u t-Tnejn 24 ta’ April, meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet, Mons. Scicluna awgura biex Newsbook.com.mt  u RTK ikunu eżempju ta’ servizz tajjeb lejn il-verità, fejn kulħadd ikollu ċans isemma’ leħnu.
Appella biex is-sorsi tal-midja jkunu awtentikati u qal li kull min qiegħed fil-midja bl-etos Nisrani, irid jitħabat biex b’responsabbiltà jiċċekkja s-sorsi tiegħu, u biex meta jkun hemm żball jikkoreġih.
“Il-qalb tal-ġebel irridu nibdluha f’tal-laħam”
Dwar l-immigranti f’Malta, Mons. Scicluna qal li l-qalb tal-ġebel irridu nibdluha f’qalb tal-laħam, billi nittrattaw lil xulxin tajjeb anke ma’ dawk minn pajjiżi differenti.
L-Arċisqof spjega li rridu nieħdu paċenzja b’xulxin. Filwaqt li ma kkundannax li l-poplu Malti jkun beżgħan mill-immigranti, Mons. Scicluna qal li “rridu nimxu flimkien biex nikbru u nagħrfu lil xulxin bid-dinjità ta’ persuni umani”.
Żied jgħid li ma nkunux qed nuru rispett jekk naħsbu li l-Kattoliċi biss għandhom id-drittijiet u l-oħrajn iridu joqogħdu fl-ixkaffa.
“Il-Kostituzzjoni m’għandhiex tkun motivazzjoni ta’ intolleranza"
Mons. Scicluna qal li l-Kostituzzjoni Maltija hija Kattolika, anke fil-kuntest li min hu ta’ reliġjon differenti għandu dritt jeżerċitaha.
Żied jgħid li ma jixtieqx li l-Kostituzzjoni Maltija tkun motivazzjoni ta’ intolleranza lejn ir-reliġjonijiet. Qal li l-liġi bażika mhix l-istatus speċjali tar-reliġjon Kattolika, iżda l-prinċipju tal-libertà reliġjuża, li hi dritt fundamentali ta’ kull bniedem.