Awdjo: Marsa: Iwaqqaf lin-nies biex ituh il-flus u l-mowbajl

Erba’ passi ‘l bogħod mill-MaltaPost tal-Marsa, eżattament fejn hemm it-triq li tagħti għall-korsa taż-żwiemel, qed ikun hemm raġel iwaqqaf il-karozzi u jittallab biex jgħinuh.

Wara li jwaqqaf lis-sewwieqa, jitlobhom biex ituh il-mobajl biex iċempel lil xi ħadd, imbagħad jittllab ukoll għall-flus.

Qarrej ta’ Newsbook.com.mt jgħid li d-darbtejn li t-tfajla tiegħu għaddiet minn Triq Ħal Qormi, dan ir-raġel waqqafha u staqsiha għall-istess l-affarijiet.  Il-qarrej qal li saħansitra darba minnhom it-tfajla tiegħu kellha t-tieqa imniżżla u t-tallab daħħal rasu ġol-karozza tagħha.

Il-koppja diġà rrappurtatu lill-pulizija: ċemplet darbtejn fuq in-numru 112 u l-pulizija qalu li se jibgħatu lil xi ħadd hemmhekk u t-tielet darba marret tagħmel rapport l-għassa ta’ Ħal Luqa.

Skont il-Liġi, persuna la tista’ iddejjaq lil xi ħadd u wisq aktar tidħol fi propjetà ta’ xi ħadd li ma tafx, bħalma hi karozza. Huwa illegali wkoll li karozza tieqaf fi triq prinċipali bħal ma hi Triq Ħal Qormi għaliex tista’ tikkawża inċident tat-traffiku.

Mara li kienet qed tistenna tarbija ħadet qatgħa hi wkoll meta għaddiet minn din it-triq.  Dak il-ħin kellha t-twieqi tal-karozza mtellgħin minħabba l-arja kkundizzjonata u f’daqqa waħda tfaċċa raġel iħabbat mat-tieqa biex ittih xi ħaġa tal-flus u għal ftit ma tajritux. 

Xi drabi dan it-tallab ikollu l-kumpanija.  Filfatt miegħu ġieli jkun hemm mara li titallab ukoll.

Persuni oħra qalu li dan ir-raġel rawh kemm-il darba fl-inħawi tal-Imsida u l-Ħamrun.  L-iskuża tiegħu tkun li għandu bżonn il-flus għax spiċċalu d-diesel tat-trakk, imma t-trakk ma jidher imkien.

 

Ħalli l-kumment tiegħek hawn taħt.