Awdjo: Marru l-Filippini għall-volontarjat, u ġejjin lura parrini

Tliet żgħażagħ Maltin li kienu qed jagħmlu esperjenza ta’ volontarjat, inzertaw ċelebrazzjoni ta’ magħmudija tat-tfal li qegħdin fl-istitut ta’ fejn kienu qegħdin jgħixu għal erba’ ġimgħat.
L-istitut tas-sorijiet Agostinjani fil-Filippini jilqa’ fih tfal li huma orfni kif ukoll tfal li ġejjin minn familji b’problemi.
Qabel ma telqu mill-post, soru qaltlihom li kien hemm tfal li għadhom ma kienux mgħammda, u li se jgħammduhom proprju ġurnata qabel ma ż-żgħażagħ jibdew il-vjaġġ tagħhom lura lejn Malta.
Il-Maltin urew ix-xewqa li jkunu parrini huma minħabba li kienu saru jafu lit-tfal, u s-soru Filippina mill-ewwel aċċettat.
Ma’ Newsbook.com.mt, Ryan spjega li ċ-ċerimonja tal-magħmudija hi differenti minn dik li niċċelebraw Malta, hekk kif jagħmlu r-rit biss mingħajr quddiesa.
Mariosa qalet li din kienet l-ewwel esperjenza tagħha bħala parrina u li tinsab grata li kienet laħqet saret taf lit-tifel Choi ta’ tlett snin ta’ min hi u Ryan huma parrini.
Edera kompliet tgħid li hi ukoll kellha rabta speċjali mal-filjozz tagħha, li qed jgħix għal xi żmien l-istitut.
Madanakollu, ommu kienet preżenti għall-magħmudija, u tatha l-kunsens biex tkun il-parrina ta’ Filipe.
It-tlett żgħażagħ kollha qablu meta qalu li din kienet esperjenza unika, u li dan kien unur għalihom, u li la jikbru, it-tfal se jkunu jafu li għandhom il-parrini tagħhom Malta.