Awdjo: Maltija taħdem fuq proġett ġdid fil-missjoni fil-Perù

F’Arequipa fil-Perù, Maris Camilleri, li tgħix hemm bħala missjunarja lajka, qed taħdem flimkien ma’ voluntiera oħra fuq proġett ġdid biex jgħinu lil żgħażagħ u tfal b’diżabilità, kif ukoll il-familji tagħhom, biex jagħtuhom rijabilitazzjoni u edukazzjoni li mhemmx aċċess għalihom.
Ma’ Newsbook.com.mt qalet li diġà għandhom l-art fejn jippjanaw li jibnu din id-dar, li se tkun qed tgħin ukoll lill-familji tagħhom bħala respite minħabba li jispiċċaw mingħajr xogħol.
Maris, li ilha tgħix il-Perù għal 13-il sena, taħdem fi klinika ma’ aktar minn 100 ħaddiem u voluntier li jgħinu wkoll persuni li għandhom il-kanċer, hekk kif ħafna minnhom jivvjaġġaw fit-tul biex jirċievu t-trattament tal-kimoterapija u ma jkollhomx fejn joqgħodu.
Spjegat li d-dipartiment tas-saħħa fil-Perù dejjem sejjer lura, minħabba raġunijiet ta’ korruzzjoni, u permezz tal-għajnuna ta’ benefatturi jkunu jistgħu jgħinu lil persuni li m’għandhomx aċċess għal servizzi tas-saħħa.
Bħala missjunarji ta’ San Pawl, Maris kompliet tgħid li jirċievu għajnuna mill-Mission Fund li jibgħatu fondi lill-missjunarji madwar id-dinja, u li kull sentejn jagħtu somma ta’ flus biex ikunu jistgħu jkomplu bil-ħidma tagħhom.
Min jixtieq jagħmel donazzjoni jista’ jidħol fis-sit www.missionfund.org.mt, kif ukoll jagħti bolol użati.