Esklussiva: Malti f’Barċellona jiddeskrivi kif sebħet Las Ramblas

“Il-biża’ hawnhekk hi li jerġa’ jseħħ attakk ieħor, għax kif qed naraw din hija forma imprevedibbli ta’ terrur meta tuża oġġetti ordinarji biex isiru attakki orrendi fuq nies innoċenti”.
Dan kien wieħed mill-kummenti li Marvic Camilleri ta lil Newsbook.com.mt meta rrakkonta l-esperjenza tiegħu u ta’ sħabu wara l-attakk terroristiku li seħħ ilbieraħ f’Las Ramblas f’Barċellona.
Camilleri bħalissa qed joqgħod 200 metru biss ’il bogħod minn fejn il-vann għadda minn fuq in-nies u ħasad il-ħajja ta’ 14 persuna, bil-għadd mistenni jogħla.
Spjegalna kif skappa bi żbrixx l-attakk, minħabba li nzerta kien il-baħar fil-ħin tal-attakk.
Madankollu Camilleri tkellem b’mod imħasseb dwar dak li ġara, speċjalment meta qed jara r-riżultat ta’ att insensat bħal dan.
Tkellem dwar in-nies li raha, u li aktarx tilfu lil xi ħadd. Isemmi partikularment Amerikana li kmieni filgħodu raha tibki fit-triq minħabba wliedha.
Irrimarka li anki l-fatt li triq li normalment tkun tant popolata u mimlija ħajja dalgħodu stenbaħ u raha vojta, ħlief għall-ġurnalisti.
Esprima l-ambigwità li jħoss meta jiġi biex jagħraf kemm is-sensazzjonaliżmu li joħolqu dawn l-inċidenti jagħmlux ġid jew deni.
Sa issa b’rabta mal-każ ġew arrestati tliet persuni, iżda L-awtoritajiet ġudizzjarji fi Spanja qed jgħidu li hemm minn 8 sa 12-il persuna li aktarx ippjanaw biex iwettqu l-attakki.
Ritratti: Marvic Camilleri (Facebook)