Awdjo: ‘Malta taħt gvern Laburista tibqa’ b’deficit’ – Tonio Fenech

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Partit Nazzjonalista irreaġixxa għall-estimi finanzjarji li l-Partit Laburista preżenta għall-programm elettorali.

Il-Ministru għall-Finanzi Tonio Fenech, ikkritika lill-Partit Laburista talli propona diversi affarijiet li diġa twettqu jew qed isiru, u li b’hekk mhu qed joffri xejn ġdid.

Huwa qal li proposti oħra huma biss kliem sbieħ mingħajr ebda pjan ta’ kif jistgħu isiru, u li ma jħallu l-ebda impatt pożittiv fuq l-ekonomija.

Il-PN qal li taħt gvern Laburista, Malta tibqa b’deficit sal-aħħar tal-leġislatura, filwaqt li jekk ikun elett gvern Nazzjonalista, Malta tibda tirreġistra surplus flok deficit sal-2016.

Meta mistoqsi li l-Partit Nazzjonalista kien diġa wiegħed li jagħmel surplus fl-aħħar kampanja elettorali, Tonio Fenech qal li f’reċissjoni il-gvern kien iddeċieda li aħjar jibqa b’defiċit finanzjarju minn defiċit soċjali.

Tonio Fenech qal li fil-programm elettorali, il-Partit Laburista mhux biss ma ppreżentax pjan ekonomiku imma qas jafu kemm se jiswa. Dr Fenech qal kif il-Partit Laburista ibbaża l-costings tiegħu fuq previżjonijiet internazzjonali li qas jaslu sa tmiem il-leġislatura.

Aktar qabel, il-Viċi Kap Nazzjonalista, Dr Simon Busuttil, iddeskriva l-estimi finanzjarji tal-Partit Laburista bħala insult għall-intelliġenza. Huwa sostna li ma jagħmlux sens li aktar minn 800 proposta Laburista se jiswew €300 miljun inqas mill-proposti tal-Partit Nazzjonalista, li għandhom 125 proposta.